IL-FORZI ARMATI TA’ MALTA – “EROJ”
Malta se taħdem biex ikun hemm koordinazzjoni Ewropea kontra l-immigrazzjoni illegali. Dan intqal mill-Prim Ministru Joseph Muscat li semma ukoll il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea timpenja ruħha aktar, mhux biss b’għajnuna finanzjarja, iżda bi pjan konkret dwar l-immigrazzjoni illegali.
Il-Prim Ministru kien qed jitkellem waqt ċerimonja f’Kastilja fejn radd ħajr lill-membri tal-Forzi Armati li fl-aħħar jiem kienu involuti f’ħidmiet ta’ salvataġġ.
Dr Muscat irrefera għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fl-aħħar u saħaq li l-Gvern Malti se jkun qed jaħdem qatigħ biex Malta ma titħalliex waħidha f’dan il-qasam u sabiex ikun hemm koordinazzjoni Ewropea.
Waqt li faħħar il-ħidma tal-Forzi Armati, immexxija mill-Brigadier Martin Xuereb, Dr Muscat qal li l-Istat u l-poplu huma grati lejhom u jagħmluna kburin għaliex kienu “eroj u eroj tal-Ewropa”. Il-ħidma tagħhom nisslet u ġibdet ukoll l-ammirazzjoni u tifħir ta’ Gvernijiet differenti fosthom dak Taljan.
Il-Prim Ministru qal li l-kwistjoni tal-immigrazzjoni fil-Libja tirrifletti l-instabbiltà tal-pajjiż u għaldaqstant hemm bżonn li l-pajjiżi jgħinu lil-Libja sabiex tiġġedded l-istabbiltà u s-sigurtà f’dan il-pajjiż. Malta trid li l-Unjoni Ewropea tgħin u tilqa’ t-talbiet tal-Libja li għandha tkun parti mis-soluzzjoni u mhux parti mill-problema.
Preżenti għal dan ir-radd ta’ ħajr għall-ħidma tal-Forzi Armati kien hemm ukoll il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manuel Mallia
Stqarrijiet Oħra:
PR262034
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...
PR262033