Left arrow Go Back

Għajnuna mill-Gvern Ċentrali għall-proġett ta’ San Ġwann F.C.

pr2248
Date Icon 13/10/2013

Il-Gvern Ċentrali se jagħti l-għajnuna tiegħu fi proġett ta’ premises ġodda li se jintużaw għat-taħriġ taż-żgħażagħ fil-futbol f’San Ġwann. Il-proġett, li jinsab biswit il-grawnd tal-futbol, ikopri medda ta' madwar 750 metru kwadru  fil-grawnd floor u l-ewwel sular kif ukoll madwar 350 metru kwadru fit-tieni sular.



Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima l-Onor. Leo Brincat qal li tul is-snin huwa dejjem emmen u wera l-appoġġ tiegħu lejn dan il-proġett. Qal li sa minn sentejn ilu flimkien ma’ oħrajn, ra l-ħtieġa li n-Nursery ta’ San Ġwann FC ikollha post aħjar fejn tilqa’ lill-membri tagħha. Spjega li dan huwa proġett fejn il-Gvern Ċentrali, is-settur privat u l-MFA se jkunu qed jagħtu lill-komunita’ Ġwanniża rigal li jixirqilha, proġett li jindirizza l-ħtiġijiet ta’ komunita’ li dejjem qiegħda tikber.



Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura l-Onor. Joe Mizzi qal li l-Gvern dejjem lest li jagħti l-appoġġ tiegħu biex jara li pajjiżna jkollu dehra aħjar, kemm f’dak li huwa ambjent u anke f’dik li hija infrastruttura.



Huwa ħeġġeġ lil dawk li jaħdmu f’oqsma edukattivi u anke dawk sportivi biex ikomplu joffru d-dedikazzjoni tagħhom lejn tfal u żgħażagħ, iżda biex dan isir,  ikun jixirqihom ukoll ambjent li jkun attrezzat bil-faċilitajiet kollha li għandhom bżonn.



F’dan il-każ, irriżulta li kien hemm tender mogħti, ta’ €18,000 għal xogħol ta’ tħaffir. Minkejja li hekk kien miftiehem mal-amministrazzjoni preċedenti, irriżulta li ma kien hemm ebda vot ivvutat. Madankollu, il-Gvern ra kif seta’ jgħin xorta u issa se joffri l-għajnuna tiegħu permezz tal-ħaddiema tal-Gvern biex il-proġett isir xorta.



Tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Stefan Buontempo, fejn qal li f’pajjiżna rridu nibdew inħarsu lejn l-isport mhux biss bħala kompetizzjoni imma bħala mezz biex ngħixu ħajja aħjar. Għalhekk irridu ndaħħlu kultura li kulħadd jagħti attenzjoni lil saħħtu. Huwa kompla jgħid li f’pajjiżna hawn mitt grawnd tal-futbol fost faċilitajiet oħra, u għalhekk irridu naraw li dawn il-faċilitajiet, li l-Gvern f’bosta minnhom ikun għadda l-art lill-għaqda, jitgawdew mill-komunità. Fil-każ ta’ San Ġwann, il-Gvern għen billi għadda l-art, u se jkompli jinvesti fi proġett infrastrutturali. Il-proġett kollu se jsir flimkien mal-MFA u s-settur privat. Din il-koperazzjoni bejn dawk kollha konċernati għandha tkun il-prassi fl-isport fejn l-għan aħħari għandu jkun il-ġid tal-komunità.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  10 appartamenti ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Paola

PR262034

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta tħares lejn l-esperjenza Irlandiża biex tkompli ssaħħaħ il-kunsilli lokali

PR262033

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...

More Press Releases Right arrow