STQARRIJA MILL-MINISTRU GĦALL-ENERĠIJA U L-KONSERVAZZJONI TAL-ILMA
IL-PJAN TAL-GVERN GĦALL-ENERĠIJA SE JIPPROVDI STABBILITÀ
MIS-SENA LI ĠEJJA KONTIJIET TAD-DAWL U ILMA ORĦOS B’MEDJA TA’ ĦAMSA U GĦOXRIN FIL-MIJA
Għal kuntrarju ta’ dak li pprova jagħti x’jifhem il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, il-prezz tal-gass wara ħames snin, xorta se jkun orħos ħafna milli kieku pajjiżna baqa’ juża ż-żejt.
Għal kuntrarju ta’ dak li qal Simon Busuttil, il-Gvern se jkollu l-flessibilità kollha biex iżomm il-prezz stabbli, fost oħrajn permezz ta’ hedging. Li ma qalx Simon Busuttil huwa li l-prezz xorta se jkun dejjem orħas milli kieku bqajna nużaw iż-żejt, għażla li għamel il-Gvern preċedenti billi saħansitra biddel il-liġi ambjentali.
Simon Busuttil, li kieku għalih, kien jiffirma l-kuntratt tal-BWSC. S'issa għadu ma jistax jifhem li l-familji Maltin u Għawdxin jeħtieġu roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma u kien għalhekk li taw lil dan il-Gvern il-mandat biex imexxi ’l quddiem dan il-proġett.
Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern qatt ma ħareġ b’soluzzjoni u ma kellux pjan għall-qasam tal-enerġija. L-uniku pjan kien li jgħolli l-kontijiet bi tletin fil-mija. Kull darba li f'pajjiżna credit rating agencies staqsew x’kien se jiġri li kieku ma nbidilx il-gvern, sabu biss uċuħ iċċassati.
Għal kuntrarju, dan il-Gvern kellu pjan fattibli u baqa’ konsistenti miegħu fejn, bis-sehem tas-settur privat li dan il-Gvern tant jemmen fih, se jkun qed ikompli miexi f’dan il-proġett biex iraħħas il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma b’medja ta’ ħamsa u għoxrin fil-mija u ħamsa fil-mija rispettivament.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil huwa kap ta’ Partit li meta kien fil-Gvern ġab lill-Enemalta fl-istat li hi, b’dejn ta’ aktar minn 800 miljun ewro. Huwa l-istess Partit li fil-Gvern wassal biex pajiżna jkun klassifikat l-aħħar fl-enerġija nadifa.
Simon Busuttil illum ta konferma oħra li huwa kontra tariffi orħos, kontra arja nadifa u kontra investiment mis-settur privat fil-qasam tal-enerġija.
Other Press Releases:
PR262034
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...
PR262033