Left arrow Go Back

Stqarrija konġunta bejn il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili u l-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta` Soċjali

pr2245
Date Icon 13/10/2013

Djalogu bejn il-Gvern u l-NGOs li jaħdmu fil-qasam tal-integrazzjoni tal-immigranti



Il-Ministri l-Onor. Dott. Helena Dalli, Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, l-Onor. Marie Louise Coleiro Preca, Ministru għall-Familja u Solidarjeta` Soċjali, u s-Sur Phelim Cavlan mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru dalgħodu ltaqgħu mal-NGOs li jaħdmu fl-oqsma tad-drittijiet umani u l-integrazzjoni tal-immigranti.  Il-laqgħa ssejjħet biex l-NGOs ikunu mgħarrfa dwar l-aħħar żviluppi fil-kriżi tal-wasla ta’ immigranti mil-Lvant Nofsani.



Il-Ministru Dalli spjegat x’ġara waqt l-operazzjoni ta’ salvataġġ mill-Gvern Malti li wasslet biex ġew salvati l-ħajjiet ta’ 147 persuna, kif ukoll dwar l-operazzjoni li għaddejja bħalissa mill-Forzi Armati ta’ Malta biex jinstabu l-katavri tal-persuni li tilfu ħajjithom.  Dott. Dalli tkellmet ukoll dwar l-ewwel għajnuna u l-kura medika li ngħataw dawn il-persuni b’mod immedjat mal-wasla tagħhom.



Il-Ministru Coleiro Preca tkellmet dwar l-għajnuna li l-Gvern qed jagħti lil dawn l-immigranti wara t-traġedja li għaddew minnha fl-aħħar siegħat, b’mod partikolari wara t-trawma li għaddew minnha.  Hi qalet li diversi immigranti li ġew salvati tilfu membri tal-familja tagħhom f’din it-tragedja.  Hi semmiet kif fost dawn kien hemm raġel li tilef lil martu li kienet tqila b’tewmin u lit-tifel tiegħu ta’ sentejn. 



Ġie spjegat li qed tingħata  għajnuna minn social workers tal-Aġenzija Appoġġ, psikoterapisti volontarji u għajnuna psikoloġika lil dawn il-persuni, b’mod immedjat.  Iż-żewġ ministri irringrazzjaw u faħħru x-xogħol li sar mill-ħaddiema kollha involuti, tal-kollaborazzjoni bejn l-entitajiet governattivi, flimkien ma’ professjonisti minn dixxiplini differenti.



Is-Sur Cavlan, mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, spjega kif, peress li waqt l-operazzjoni ta’ salvataġġ bejn il-qawwiet Maltin u dawk Taljani kien hemm familji li ġew separati, il-Gvern għaddej b’ħidma mal-Gvern Taljan biex jingħaqdu dawn il-familji malajr kemm jista’ jkun.



Huwa qal ukoll li f’din is-sitwazzjoni ta’ kriżi huwa neċessarju li fejn hu possibbli l-NGOs jagħtu l-għajnuna tagħhom, permezz tal-esperjenza li għandhom f’dan il-qasam.  Hu tkellem ukoll dwar l-importanza ta’ dan id-djalogu miftuħ bejn il-Gvern u l-NGOs u qal li l-bibien tal-Gvern Malti huwa dejjem miftuħ biex intejjbu x-xogħol tagħna.



Waqt il-laqgħa tkellmu wkoll l-NGOs, li minn naħa tagħhom urew is-sodisfazzjoni għall-mod kif qed jaħdem il-Gvern f’din il-kriżi.  L-NGOs taw ukoll is-suġġerimenti tagħhom lill-Gvern.



Servizz ta’ hot line minn Red Cross



Ir-Red Cross qed jintervjeni biex jgħaqqad il-familji tal-immigranti li nfirdu waqt din it-traġedja.  Għaldaqstant twaqfu żewġ hot lines minn Malta Red Cross u Italia Red Cross għal dan il-għan u li jistgħu jagħmlu użu minnhom dawn l-immigranti. 



Il-hot lines huma:

Italia Red Cross: 0039 (0) 647592725 (mit-08:00hrs sat-20:00hrs)

Malta Red Cross: 00356 77221029 (il-persuna ta’ kuntatt hija Ms. Minna Mompalao de Piro)

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  10 appartamenti ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Paola

PR262034

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta tħares lejn l-esperjenza Irlandiża biex tkompli ssaħħaħ il-kunsilli lokali

PR262033

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...

More Press Releases Right arrow