INNOVAZZJONI BIEX IKUN HEMM TKABBIR EKONOMIKU AKBAR
Biex ikun hemm tkabbir ekonomiku u l-ġid, Malta ma tistax tibqa’ konformista u tibża’ timraħ f’oqsma ekonomiċi ġodda u innovattivi. Lanqas ma l-pajjiż jista’ jgħeleb l-isfidi tal-ġejjieni bl-għodda tal-bieraħ.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat, f’laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar il-baġit mal-Malta Institute of Management, qal li ma jridx li proġetti soċjali li qed jippjana l-gvern, bħal dak tal-housing soċjali, jiġu ffinanzjati mit-taxxi iżda mit-tkabbir ekonomiku. Huwa għalhekk li l-gvern qed iniedi l-idea ta’ ċittadinanzi permezz ta’ investiment.
Dr Muscat qal li tul is-snin Malta ħadet deċiżjonijiet u inizjattivi ekonomiċi kuraġġużi li ż-żmien wera li kienu f’waqthom. Dan għamlitu fil-manifattura, fit-turiżmu, fis-servizzi finanzjarji, fir-reġistru tal-vapuri, fir-remote gaming u fir-reġistru tal-ajruplani. Il-Prim Ministru qal li bi proġetti ambizzjużi jogħla l-livell tal-pajjiż u titjieb il-kwalità tas-serviżżi minn dawk l-aktar umli sa dawk li jinvolvu tmexxija.
Għal laqgħa kienu preżenti wkoll il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Dr Helena Dalli u s-Segretarju Parlamentari Dr Ian Borg.
Fil-laqgħa l-uffiċjali tal-Malta Institute of Management semmew, fost affarijiet oħra, il-bżonn ta’ taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema u li jkun hemm kwalità ogħla fl-edukazzjoni.
Other Press Releases:
PR262034
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...
PR262033