IT-TKABBIR EKONOMIKU U L-KOMPETITTIVITÀ DISKUSSI F’SEMINAR ORGANIZZAT MILL-MEUSAC
Il-bieraħ, il-Malta-EU Steering and Action Committee (MEUSAC) organizza l-ewwel seminar minn serje ta’ erbgħa bit-tema ‘The Economic Recovery: Overcoming the Crisis Together’. L-iskop ta’ dawn is-seminars huwa li jlaqqa’ flimkien ’il dawk affettwati mill-kriżi ekonomika sabiex jiġi evalwat l-effett tal-kriżi fuq l-operat tagħhom, u biex flimkien isibu modi kif jikkontribwixxu għall-ħruġ mill-kriżi.
Is-seminar kien immirat prinċipalment għas-settur tan-negozju f’Malta u fih il-parteċipanti ngħataw aktar informazzjoni dwar ir-Rapport dwar il-Kompetittività għall-2013 tal-Kummissjoni Ewropea. Dan ir-rapport għandu l-għan li jidentifika l-opportunitajiet li jistgħu jgħinu lill-industriji Ewropej isiru aktar kompetittivi.
Fl-introduzzjoni tiegħu, il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewopew f’Malta, Dott. Peter Agius, qal li l-Istati Membri jridu jċedu ftit mill-protezzjoni li joffru lill-interessi tagħhom u jaħdmu aktar għall-għanijiet komuni fl-Unjoni Ewropea.
Dott. Angelo Chetcuti, Uffiċjal għall-Istampa fir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, qal li l-politika li tindirizza l-kriżi ekonomika trid tkun waħda ħolistika u l-proposti li joħorġu minn Malta għandhom isiru fl-isfond tar-realtajiet tal-pajjiż.
Il-kelliem ewlieni f’dan is-seminar kien is-Sur Gerald Petit, analista tal-politika fil-qasam tar-riformi ekonomiċi mid-Direttorat Ġenerali tal-Intrapriża u l-Industrija tal-Kummissjoni Ewropea.
Fl-intervent tiegħu, is-Sur Petit qal li r-Rapport dwar il-Kompetittività 2013 jissuġġerixxi li l-irkupru mill-kriżi ekonomika għandu jkun mibni fuq it-tnaqqis tal-burokrazija għall-intrapriżi żgħar u medji, it-tnaqqis tal-ispejjeż tal-produzzjoni, aċċess aktar faċli għall-finanzjament u għas-swieq kapitali, u l-ftuħ ta’ swieq f’pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea. Huwa semma l-inizjattiva Business First f’Malta bħala eżempju ta’ kif il-Gvern jista’ jgħin intrapriżi żgħar u medji billi jiffaċilitalhom l-operat tagħhom, jgħinhom jieqfu fuq saqajhom, u jnaqqas il-burokrazija amministrattiva permezz ta’ one stop shop.
Huwa qal ukoll li s’issa Malta rreżistiet tajjeb il-kriżi ekonomika, iżda huwa importanti ħafna li tinżamm l-istabbiltà finanzjarja, li s-soċjetà timxi lejn ekonomija bbażata fuq l-għarfien u l-innovazzjoni, u jissaħħu l-isforzi biex jintlaħqu l-miri marbuta ma’ enerġija rinnovabbli.
Wara d-diskors tas-Sur Petit, is-seminar żvolġa f’diskussjoni ma’ esperti mistiedna: Is-Sur Andrè Fenech, mill-Kamra Maltija tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija; is-Sur George Vella, mill-Malta Business Bureau u Dr Mario Vella, Chairman tal-Malta Enterprise. Huma qajmu diversi punti fosthom: l-importanza li l-iżvantaggi partikolari ta’ Malta fil-manifattura jitħallew jiġu indirizzati b’mod speċifiku sabiex din l-industrija ma tispiċċax għal kollox minn Malta; il-bżonn ta’ politika ġdida li tindirizza l-manifattura f’Malta; l-importanza ta’ aċċess għall-finanzjament; il-programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea COSME u Horizon 2020 li se jidħlu fis-seħħ fl-2014 u li se jgħinu fil-qasam tal-aċċess għall-finanzjament mill-industrija u minn intrapriżi żgħar u medji.
Fi tmiem is-seminar, il-Kap tal-MEUSAC, Dott. Vanni Xuereb, tkellem dwar l-iskop ta’ dan is-seminar u ta’ seminars oħrajn li ser jiġu organizzati fil-ġimgħat li ġejjin. Bħala parti mill-istess proġett se jsiru djalogi oħra li se jindirizzaw ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u x-xogħol, u l-infrastruttura u l-enerġija. L-għan ta’ dawn is-seminars huwa li jinkludu kemm jista’ jkun rappreżentanti minn livelli differenti fil-Gvern, fis-soċjetà, u mis-settur pubbliku u dak privat, biex flimkien ifittxu soluzzjonijiet għall-isfidi preżenti u jsibu opportunitajiet li jistgħu jistimulaw l-irkupru tal-ekonomija. Barra minn hekk, Dott. Xuereb qal li setturi partikolari jingħataw il-possibiltà li jikkontribwixxu għat-tfassil tal-politika, b’mod partikolari fuq livell nazzjonali, u jiġu aġġornati dwar il-miri tal-istrateġija Ewropa 2020, inkluż il-miri nazzjonali marbutin magħha. Fix-xhur li ġejjin, il-MEUSAC se jorganizza seminars oħrajn għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-kunsilli lokali li jipprovdu l-għodda u r-riżorsi meħtieġa fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 tal-Unjoni Ewropea.
Dan il-proġett tal-MEUSAC huwa finanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-Management Partnership bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-MEUSAC.
Other Press Releases:
PR262034
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...
PR262033