Left arrow Mur Lura

IL-GANA TQIS IL-KOPERAZZJONI MA’ MALTA FIS-SETTUR TURISTIKU BĦALA PRIJORITÀ

PR1929
Date Icon 12/09/2013

Il-Ministru għat-Turizmu l-Onor. Karmenu Vella f’laqgħa mal-Ministru tal-Affarijijet Barranin tal-Gana Hanna S Tetteh

Malta u l-Gana qed iħarsu ’l quddiem għal koperazzjoni bejniethom f’diversi oqsma fosthom fit-turiżmu, fit-trasport bil-baħar u fil-qasam loġistiku.

F’laqgħa li l-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella kellu mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Gana Hanna S Tetteh intqal kif din il-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi għandha twassal biex il-Gana jkollha għarfien sħiħ ta’ kif Malta rnexxielha taħdem mas-settur privat biex matul is-snin żviluppat il-qasam turistiku tagħha.

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Gana spjegat kif it-turiżmu f’pajjiżha llum il-ġurnata huwa t-tielet l-akbar kontributur għall-prodott gross domestiku tal-pajjiż, b’niċċa ewlenija turistika tkun dik tal-meeting incentives u conference business. Semmiet kif pajjiż bħall-Afrika t’Isfel irnexxielu jippromwovi lilu nnifsu bħala destinazzjoni turistika u dan jista’ jkun possibli anke ma’ pajjiżi oħra fl-Afrika stess. Mill-banda l-oħra tkellmet dwar ir-rabta diretta li l-Afrika tingħata mal-kwistjoni tal-immigrazzjoni irregolari flimkien mal-fatt li ħafna għadhom iqisu lill-Afrika bħala pajjiż u mhux bħala kontinent. Il-Ministru Tetteh semmiet kif f’laqgħa preċedenti li kellha aktar qabel mal-Ministru tal-Affariiet Barranin Malti Dr George Vella, issuġġeriet li titwaqqaf għall-ewwel darba kummissjoni konġunta bejn Malta u l-Gana bil-għan li jkunu stabbiliti l-ewwel kuntatti għal koperazzjoni mill-viċin fis-setturi elenkati aktar qabel.

Il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella semma’ kif it-turiżmu f’Malta jikkontribwixxi mal-25% tal-prodott gross domestiku b’mod dirett, fejn huwa stmat li kull sena jaslu mal-1.5 miljun turist. Huwa tkellem fuq l-iżvilupp tas-settur f’pajjiżna tul iż-żmien, fejn spjega kif filwaqt li oriġinarjament it-turiżmu f’Malta kien ibbażat fuq is-suq Ingliż, aktar tard dan evolva bl-introduzzjoni tal-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta, biex eventwalment linji tal-ajru diversi għażlu li jibdew joperaw minn u lejn pajjiżna.

L-Onor. Karmenu Vella qal li llum il-ġurnata pajjiżna m’għadux jibbaża biss fuq il-pakkett turistiku tradizzjonali tax-xemx u l-baħar iżda qed jimraħ lil hinn biex jesplora niċeċ ġodda fosthom dik tal-konferenzi, fl-istess ħin li tingħata promozzjoni lill-arti, l-istorja u l-kultura li ssawwar lill-gżejjer Maltin.

Il-Ministru Vella semma’ kif l-avvanzi fis-settur turistiku f’Malta wasslu għal żvilupp f’oqsma oħra fosthom it-taħriġ li jingħata fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi, it-tagħlim tal-lingwa Ingliża lill-istudenti barranin kif ukoll is-settur tad-diving fejn Malta għandha potenzjal turistiku kbir x’toffri permezz tal-baħar.

Il-Ministru għat-Turiżmu saħaq fuq l-importanza tal-aċċessibilità anke ma’ pajjiżi tal-Afrika għal skambju ta’ turiżmu bejn iż-żewġ naħat u li eventwalment tista’ twitti t-triq għal opportunitajiet ġodda għal dawk il-Maltin li jixtiequ jfittxu avventuri ġodda fejn jidħol safar.

L-Onor. Karmenu Vella temm jgħid li l-media tista’ sservi ta’ għodda tajba ħafna mil-lat edukattiv biex tbiddel ċertu perċezzjonijiet li jeżistu dwar il-Gana fl-istess ħin li tippromwovi lill-pajjiż għal finijiet turistiċi.

Sadanittant, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Gana stiednet lill-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella sabiex aktar tard jagħmel żjara fil-pajjiż.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll is-Segretarju Permamenti John Borg, iċ-Chief of Staff tal-Ministeru għat-Turiżmu Joe Bonello u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Josef Formosa Gauci.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Il-Ministru Chris Fearne jindirizza t-18-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta

PR262031

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...

Aktar Stqarrijiet Right arrow