TITNIEDA L-20 EDIZZJONI TAL-PREMJU ANZJAN TAS-SENA
Is-Segretarju Parlamentari għad-drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Dr Franco Mercieca nieda l-20 edizzjoni tal-Premju Anzjan tas-Sena matul żjara li għamel dalgħodu fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani fiż-Żurrieq.
Dr Franco Mercieca spejga l-ħidma kbira li qiegħda ssir mill-Kummissjoni maħtura fil-bidu ta’ din il-leġislatura biex tfassal l-Istrateġija Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva li għandha twassal fost miri oħrajn għall-parteċipazzjoni akbar tal-anzjani fis-soċjetà.
Dan il-Premju se jkun qiegħed jingħata f’serata li se tittella’ l-Ħamis 24 ta’ Ottubru, fejn jitħabbar ir-rebbieħ jew ir-rebbiħea tal-Premju Anzjan tas-Sena 2013.
Dr Mercieca fisser it-tifsira ta’ dan il-Premju u qal li dan jagħti għarfien xieraq lil dik il-persuna anzjana li tkun iddistingwiet lilha nnifisha u qed tkun ta’ eżempju u ispirazzjoni għal anzjani oħrajn biex jibqgħu attivi fis-soċjetà.
“Huwa importanti li l-pajjiż jagħraf il-ħidma li qiegħda ssir mill-anzjani f’pajjiżna u l-kontribut li qed jagħtu fil-qasam tal-volontarjat biex l-anzjani jkollhom ħajja aħjar u itwal fil-komunità,” qal l-Onor. Segretarju Parlamentari.
Huwa ħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex kif ukoll lil għaqdiet mhux governattivi biex jinnominaw anzjani għal dan il-Premju. Qal li b’dan il-mod il-komunitajiet fl-ibliet u l-irħula ta’ pajjiżna jkunu qegħdin jagħrfu l-ħidma siewja li tkun qed issir mill-anzjani fost is-soċjetà.
Dr Mercieca qal li biex jintgħażel l-anzjan/a tas-sena twaqqaf bord li se jkun qiegħed jevalwa s-sottomissjonijiet u jagħżel lil dik il-persuna anzjana li tkun ħaqqha tingħata dan il-Premju.
Il-membri tal-Bord tal-għażla huma:
Chairperson: Il-Prof. Carmelo Borg
Membri:
Is-Sur Anton Cremona
Ms Rebecca Gatt
Ms Matilde Balzan
Ms Bernardette Psaila
Is-Sur Charles Miceli
Segretarja tal-Bord: Ms Ruth Bezzina
Għal dan il-Premju jistgħu jiġu nnominati ċittadini Maltin u li jgħixu f’Malta jew f’Għawdex u li sal-aħħar tas-sena jkunu għalqu l-età ta’ ħamsa u sittin sena (65 sena).
Il-formoli tan-nominazzjonijiet jistgħu jibdew jinġabru minn għada 13 ta’ Settembru mingħand is-Segretarja tal-Bord tal-Għażla, Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u l-Anzjanità Attiva, Palazzo Ferreria, Triq ir-Repubblika, Valletta, mill-Kunsilli Lokali, miċ-Ċentru Servizz Anzjan, Triq Zekka Valletta, mid-Dipartiment tal-Anzjani Pjazza San Franġisk, Għawdex u minn fuq il-website www.mfss.gov.mt.
L-applikazzjonijiet għandhom jittieħdu bl-idejn fiċ-Ċentru Servizz Anzjan f’Malta jew fid-Dipartiment tal-Anzjani f’Għawdex sa nofsinhar tat-Tnejn 23 ta’ Settembru, 2013.
Stqarrijiet Oħra:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031