ID-DSATAX-IL-WIRJA TAL-ARTI FIL-PALAZZ TA’ SANT’ANTON
“Meta wieħed ikollu kemm l-għodda, id-determinazzjoni, l-immaġinazzjoni, u l-ispazju sabiex jimmaġina u jikkrea, inkunu qegħdin narrikkixxu l-kultura u l-ħiliet tas-soċjetà tagħna”. Is-Sinjura Margaret Abela qalet dan waqt l-inawgurazzjoni tad-dsatax-il-wirja tal-arti li qed tittela’ fil-Palazz ta’ San Anton.
Il-wirja tal-arti tinkludi xogħlijiet ta’ żewġ artisti: Joanne Mizzi u Anastasia Ponyatovskaya-Pace. Fil-kollezzjoni ta’ Joanne, bit-titlu ta’ “Portraits of Malta”, wieħed jista’ jara stampi ikkreati mill-iswed tal-linka u bil-kuluri tal-akriliku li juru postijiet jew bini partikolari li nsibuh biss fil-gżejjer tagħna bħall-gallarija Maltija, il-Gardjola tal-Isla, il-Port ta’ Marsamxett u l-Knisja ta’ Pinu Għawdex.
Il-kollezzjoni ta’ Anastasia bit-titlu ta’ “Views” teħodna f’dinja imnebbħa mit-tradizzjonijiet, mill-wirt kultrali u minn natura, b’xogħol artistiku bi stil imsejjaħ post-modernist. Huwa interessanti li tara xenarji ta’ Malta ikkrejati minn din l-aritsta li ġejja minn familja Pollakka u li ilha tgħix f’Malta għal diversi snin.
Ħamsa u għoxrin fil-mija tal-bejgħ ta’ dawn il-pitturi se jmur għall-Malta Community Chest Fund. Fid-diskors tal-ftuħ tal-wijra is-Sinjura Abela spjegat kif il-Malta Community Chest Fund tirċievi diversi talbiet fis-sena minn individwi kif ukoll diversi talbiet minn għaqdiet li jagħmlu xogħol volontarju fis-soċjetà tagħna. Dawn it-talbiet ikopru diversi oqsma, fosthom minn djar li jieħdu ħsieb it-tfal, persuni bi bżonnijiet speċjali, u għaqdiet li jagħmlu xogħol kbir fil-qasam soċjali.
Is-Sinjura Abela żiedet tgħid li “Permezz tal-Malta Community Chest Fund, individwi li jkollhom bżonn kura għall-mard li jkun ħakimhom fi żmien qasir u, li l-kura għaliha tammonta għal somma kbira ta’ flus, ikun jista’ jittaffilhom ftit mill-piż li jkunu qegħdin jaffaċċjaw. F’isem dawn in-nies nirringrazzja lill-artisti li ressqu sabiex joffru l-kontribut tagħhom.”
Il-wirja tiftaħ kuljum bejn id-9.00am u l-5.00pm sad-29 ta’ Settembru. Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jibgħat email fuq christine.camilleri@gov.mt jew iċempel l-Uffiċċju tal-President fuq 21221221 jew 21226226.
Stqarrijiet Oħra:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031