Left arrow Mur Lura

IMNIEDI PAKKETT TA’ RIŻORSI DWAR IS-SAĦĦA SESSWALI

PR1921
Date Icon 12/09/2013

Dalgħodu l-Ministeru għas-Saħħa u d-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard, b’kollaborazzjoni mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, nieda il-Pakkett ta’ Riżorsi dwar is-Saħħa Sesswali.

Fid-diskors tiegħu l-Ministru għas-Saħħa qal li llum ta’ spiss nitkellmu li aħna ngħixu f’soċjetà Maltija moderna, soċjetà li hija avangard.

Dr. Farrugia qal li l-esperjenza tiegħu bħala tabib tal-familja għallmitu li meta wieħed jiġi biex iħares lejn il-ħarsien tas-saħħa sesswali u l-esperjenza tal-att innifsu, jemmen li għadna ħafna ’l bogħod milli naqsmu r-realtà b’mod sħiħ. Bosta familji għandhom iħarsu lejn is-suġġett bħala taboo, jew b’mod konservattiv tant li jxekkel il-ħarsien vera.

Il-Ministru għas-Saħħa staqsa: Kemm huwa efettiv it-tagħlim ta’ dan is-suġġett f’ċertu skejjel? Kemm huma mħarrġa l-ġenituri li jitkellmu ma’ uliedhom dwar dan is-suġġett, is-sabiħ tal-esperjenza, l-implikazzjonijiet tal-effetti ħżiena, jew in-nuqqas ta’ ħsieb minħabba s-sess każwali li jista’ jissarraf f’wild?

Għalhekk, qal il-Ministru għas-Saħħa, minħabba dawn il-ħsibijiet u l-fatt li f’etajiet aktar vulnerabbli, bħal per eżempju: dawk tal-early teens taż-żogħżija, hemm ħtieġa li nkunu kawti għaliex il-bniedem ikun qed jgħaddi minn żvilupp psycho-sexual u psycho-physical, u għalhekk moħħ iż-żgħażagħ ikunu aktar fraġli tal-interpretazzjonijet varji u emozzjonijiet mhux tas-soltu.

Kawża t’hekk messaġġ mhux f’waqtu jew ħażin, jista’ jwassal għal effetti li jgħarrqu il-well being li l-individwu ma jħossux tajjeb u għalhekk iwasslu għal aktar tħassib u konfużjoni dwar realtajiet tas-sess u tas-sesswalità.

Il-manifest elettorali tal-Gvern Laburista wiegħed li se tingħata prijorità lill-promozzjoni edukattiva, fosthom dak tal-prevenżjoni, li jħajjarna inħarsu aktar saħħitna.

M’hemmx dubju, qal Dr. Farrugia, li t-tisħiħ ta’ dan irid iseħħ bis-sehem mal-għaqdiet volontarji mhux governattivi, l-ħaddiema tal-mezzi tax-xandir, il-ġurnalisti u l-industrija tad-divertiment. Il-Ministeru għas-Saħħa dan qed jinkoraġġih ukoll bis-sehem parteċipattiv ta’ dawn bħala parti mill-istrateġija Nazzjonali dwar is-saħħa.

Huwa qal li meta dawk miġbura jippromovu informazzjoni siewja u korretta dwar is-saħħa sesswali, billi jrawmu messaġġ pożittiv, biex titneħħa s-sens ta’ ħtija, l-biża’, l-fehmiet skorretti, l-atitudni, l-imġieba u jkattar aktar is-sens ta’ valur, dawn ikunu qed iwasslu dak il-messaġġ konsistenti li huwa konformi mal-istrateġija Nazzjonali tas-saħħa sesswali.

Il-Ministru għas-Saħħa qal li huwa għalhekk li ma nistgħux nisħqu biżżejjed fuq il-ħtieġa u l-importanza li l-media tkun imħarrġa dwar minn fejn jistgħu jsibu sorsi ta’ informazzjoni u pariri aġġornati.

Dan il-pakkett jipprovdi dan ir-riżors. Il-ktejjeb se jiggwida ġurnalisti u dawk kollha midħla tal-kamp tad-divertiment biex ikollhom informazzjoni dwar dan il-qasam tas-saħħa pubblika.

Is-suġġetti msemmija f’dan il-pakkett jinkludu: l-prinċipji tas-sesswalità u s-saħħa sesswali, is-sesswalità fl-età tal-adolexxenza, id-diversità sesswali, l-imħabba u l-intimità, l-istadji tar-relazzjonijiet interpersonali, s-saħħa riproduttiva, l-kontraċezzjoni u l-ippjanar tal-familja, l-infezzjonijiet trażmessi sesswalment, il-kanċer tal-għonq tal-utru, t-tqala fost l-adolexxenti, l-abort u s-sesswalità u l-edukazzjoni dwar ir-relazzjonijiet.

L-għan ta’ dan il-ktejjeb huwa li jqarreb dan is-suggett biex dawk li jinsabu f’dawn l-oqsma tal-mezzi tax-xandir u divertiment jgħarrfu b’mod aktar professjonali lill-pubbliku in ġenerali  abbażi tal-prinċipji tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-individwi u tas-soċjetà, maħruġa mill-valuri tar-rispett u d-dinjità lejn il-ħajja umana.

Il-Ministru għas-Saħħa tenn li xogħol ta’ tħejjija fuq is-sit eletroniku tas-saħħa dwar is-saħħa  sesswali, miexi kif mistenni u dan se jkun varat aktar tard din is-sena.

Huwa qal li b’din l-inizjattiva qed jissaħħaħ l-aspett ta’ promozzjoni u ħarsien tas-saħħa, din id-darba billi iffokajna dwar dan is-suġġett.

Il-Ministru Godfrey Farrugia qal li huwa tal-fehma li l-edukazzjoni fil-qasam tas-saħħa u l-ħarsien tas-saħħa huma ċ-ċavetta għal sostenibbiltà tas-servizzi u mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ dawk involuti fil-mezzi tax-xandir u divertiment, dan ma jseħħx.

Waqt it-tnedija ta’ dan il-Pakkett ta’ Riżorsi dwar is-saħħa sesswali, għamlu wkoll interventi Dr. Ray Busuttil, Superintendet tas-Saħħa Pubblika, Dr. Charmaine Gauci, Direttur tad-Dipartiment għall-promozzjoni tas-saħħa u prevenzjoni mill-Mard, Dr. Roderick Bugeja, Ko-ordinatur tal-Programm dwar riċerka tas-Saħħa Pubblika fil-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa u wkoll Malcolm J. Nauci, Chairman tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Il-Ministru Chris Fearne jindirizza t-18-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta

PR262031

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...

Aktar Stqarrijiet Right arrow