FI ŻMIEN QASIR MALTA MISTENNIJA TKUN FUQ QUDDIEM FEJN TIDĦOL UŻU TA’ TEKONOLOĠIJA GĦALL-KONTROLL TAT-TRAFFIKU TAL-AJRU
Il-Ministru għat-Turiżmu responsabbli mill-Avjazzjoni jagħmel żjara fil-bini tal-Malta Air Traffic Services
Fiż-żmien li ġej pajjizna mistenni jkun qed jopera waħda mill-aqwa sistemi elettroniċi fl-Unjoni Ewropea għall-immaniġjar tat-traffiku tal-ajru. Dan hekk kif bħalissa l-kumpanija Malta Air Traffic Services għaddejja bi proċess ta’ rinnovament fis-sistema tal-IT tagħha. Din il-kumpanija tal-gvern għandha f’idejha l-operat kollu tal-ispazju tal-ajru fuq it-territorju Malti.
Waqt żjara li l-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella għamel fil-bini tal-Malta Air Traffic Services akkumpanjat miċ-Chairman tal-Bord tad-Diretturi il-Maġġur Tony Abela u mill-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija l-Brigadier Sur Carmel Vassallo, kien spjegat kif preżentament il-kumpanija qed tinstalla mal-għoxrin server b’saħħithom u apparat ieħor li eventwalment għandhom jieħdu post l-apparat eżistenti u li għandu mal-ħmistax-il sena. Dan il-proġett li huwa stmat li jiswa mas-seba’ miljun ewro qed isir minn esperti Taljani u sas-sajf li ġej mistenni jkun ġa qed jopera.
Il-Ministru Vella ddawwar mal-kumpless fejn kien spjegat lilu x-xogħol differenti li jsir b’rabta ma’ sorveljanza tal-ispazju tal-ajru flimkien mal-komunikazzjoni diretta li l-kontrolluri tal-ajru jżommu l-ħin kollu mal-piloti.
Fost l-oħrajn il-Ministru Karmenu Vella żar l-area control centre li fiha ssir komunikazzjoni ma’ piloti li jkunu qed itajru ajruplani fil-viċinanzi ta’ Malta, is-simulation rooms fejn isir taħriġ għall-kontrolluri tal-ajru, il-flight data support unit kif ukoll il-visual control unit, b’dan tal-aħħar ikun il-post minn fejn il-kontrolluri tal-ajru jagħtu l-aħħar struzzjonijiet lill-piloti għat-tlugħ u l-inżul tal-ajruplani, fl-istess ħin li jkun qed isir monitoraġġ viżwali tar-runway.
Aktar qabel il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella kellu wkoll laqgħat separati mal-Bord tad-Diretturi u mal-Management tal-kumpanija.
Other Press Releases:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031