IR-RABA’ EDIZZJONI TAN-NOTTE A’ CASAL PAOLA: STORJA, ARTI, MUZIKA
L-Onor Jose’ Herrera, Segretarju Parlamentari tal-Kultura u Gvern Lokali flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid u l-Għaqda Soċjali Mużikali Kristu Sultan nhedew ir-raba’ edizzjoni tan-Notte a Casal Paola.
Notte a’ Casal Paola hija lejla ta’ Storja , Arti u Mużika fejn iċ-ċentru ta’ din l-attivita sejjer jkun fejn il-knisja antika iddedikata lill-soru qaddisa ta’ l-Ordni Santa Ubaldeska u t-toroq tal-madwar. Din l-awkata hija l-aktar parti antika tal-lokal ta’ Paola li ġiet imwaqqfa mill-Gran Mastru Fra Antione De Paule fl-1626. Matul din is-serata, li ser tittella’ nhar is-Sibt 14 ta’ Settembru 2013 mis-6pm sa nofsil-lejl, din il-pjazza u toroq oħra tal-madwar, ser jinbidlu kompletament u se tingħata promozzjoni kulturali lill-lokal mħalta ma’ diversi drawwiet u tradizzjonijiet li ħalliet l-Ordni ta’ San Ġwann.
L-Onor Herrera saħaq fuq l-importanza ta’ dawn l-attivitajiet għaliex barra li jiġi offrut mezz alternattiv ta’ edukazzjoni fuq il-lokalita’ b’mod divertenti u informattiv, qed tingħata identita’ partikolari lil kull belt u raħal ġewwa pajjiżna. Barra minn hekk, l-Onor Herrera saħaq fuq il-fatt li dawn l-attivitajiet jattiraw numru kunsidervoli ta’ nies u li permezz t’hekk qed ngħinu lill-kummerċ ta’ l-inħawi. Huwa appella sabiex dawn l-attivitajiet ikunu ippjanati minn qabel u li l-informazzjoni kollha meħtieġa tinġabar minn kmieni ħalli jitfassal kalendarju kulturali wieħed. B’hekk dan il-kalendarju jista’ jingħata il-pubbliċita’ kollha meħtieġa u taqbad mhux biss udjenza lokali iżda wkoll dawk it-turisti li jkunu qed iżuru lill-pajjiżna matul dak il-perjodu.
Notte a’ Casal Paola ser tibda bil-wasla tal-Gran Mastru Fra Antione De Paule li jagħti l-bidu għal din il-festa ta’ Storja Arti u Muzika .Il-Knisja ta’ Sant Ubaldeska, li l-ewwel ġebla tagħha tpoġġiet mill- Gran Mastru fil-25 t’Awwissu 1630, sejra tiftaħ il-bibien tagħha għal pubbliku fejn se jkun hemm diversi gwidi storiċi li se jispjegaw lill-pubbliku fuq sfond ta’ daqq ta’ Muzika Sagra. Aspett innovattiv fl-attivita ta’ din is-sena se tkun re-enactment ta’ Tieġ Malti kif kien isir fi żmien l-imgħoddija.
Triq Ninu Cremona sejra tkun dekorata b’ammont ta’ qsari u se tiġi mixgħula bil-fjakoli bis-sehem ta’ diversi gruppi folkloristiċi u teatru tat-triq li se jkomplu jdaħħlu fl-atmosfera il-pubbliku preżenti. Triq l-Arkata sejra tinbidel f’attivita sħiħa ta’ gruppi bi strumenti antiki, gruppi ta’ għannejja u wirja interesanti mis-St John Corps. Attrazzjoni partikolari f’din it-triq ser tkun il-Ġostra Wirt il-Kavallieri. Ser tiġi organizzata wirja oħra biswit ix-xelter li hemm fl-istess Pjazza, Il-Gwerra u Xelter, imtella’ mill-Battlefront Living History Group.
Wieħed mill-uniċi sqaqin li hemm f’din il-lokalita, Sqaq it-Tramuntana , ser tinbidel f’ċentru ta’ l-arti b’wirja ta’ diversi artisti magħrufa flimkien ma’ xogħol ta’ l-artiġjanat Malti. Għal din il-lejla sejrin jintramaw żewġ palkijiet fic-ċentru tal-Pjazza fejn huwa mistenni illi jipparteċipaw aktar minn mitt artist flimkien mal-mistieden speċjali, il-kantant Freddie Portelli. Il-Banda Paola ser tkun qeghda ddoqq marċi brijuzi ma’ diversi toroq filwaqt li ser ikun hemm il-ferrovija iddur mat- toroq tal-lokalita’.
Attivita’ oħra ser ikun Kejk Ġgantesk li d-dhul minnu ser imur b’risq il-karita’. Is-Soċjeta Duttrina tal-Museum tas-subien ser tiftah il-bibien tagħha għal pubbliku fejn dan il-bini fl-antik kien iservi bħala skola. Is-swali tas-Soċjeta Fil Fra Ant DE Paule Banda Kristu Re se jkunu miftuħa għall-pubbliku kif ukoll fiċ-ċentru ta’ l-attivita’ se jkun hemm stand bil-parteċipazzjoni tal-Hibernians F.C. Matul din il-lejla ma jonqosx illi t-toroq tal-madwar u l-pjazza jkunu armati b’tiżjin u armar ieħor marbuta mal-epoka ta’ żmien il-kavalieri flimkien ma’ wirjiet oħra .
Din l-attivita qiegħda tiġi organizzata mill-Kunsill Lokali Paola bil-għajnuna tas-Segretarjat Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali flimkien mal-Awtorita Maltija għat-Turiżmu u bil-kollaborazzjoni ta’ L-Għaqda Soċjali Mużikali Kristu Sultan.
Stqarrijiet Oħra:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031