Left arrow Mur Lura

STQARRIJA KONĠUNTA BEJN IL-MINISTERU GĦAD-DJALOGU SOĊJALI, AFFARIJIET TAL-KONSUMATUR U LIBERTAJIET ĊIVILI U S-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAD-DRITTIJIET TA’ PERSUNI B’DIŻABILITÀ U ANZJANITÀ ATTIVA

pr1887
Date Icon 09/09/2013

Irridu nimxu fuq ‘service agreements’ mal-NGOs għall-persuni b’diżabilità biex nagħtuhom sigurtà f’ħidmiethom

Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u l-Anzjanità Attiva Dr Franco Mercieca sostna li l-pass li jmiss fil-qasam tad-diżabilità hu li l-Gvern jimxi fuq service agreements u mhux aktar fuq grants bil-għan li jagħtihom sigurtà fil-ħidma siewja li qegħdin iwettqu mal-persuni b’diżabilità.

Dr Mercieca sostna dan meta kien qiegħed jindirizza l-ftuħ ta’ Festival tal-Arti u l-Isport imtella’ fuq jumejn mill-NGO Breaking Limits fil-bitħa tal-Ħabs l-Antik f’Kordin. L-Onor. Segretarju Parlamentari fisser dan il-pass bħala wieħed importanti ħafna għax sostna li mhux biss qed nuru l-apprezzament tagħna għax-xogħol siewi li qed jagħmlu dawn l-għaqdiet mhux governattivi, iżda qegħdin nagħtuhom sigurtà li x-xogħol li qed jagħmlu jistgħu jkomplu jwettquh għall-ġid tal-persuni b’diżabilità.

F’diskussjoni li ttellgħet għall-persuni b’diżabilitajiet differenti, Dr Mercieca faħħar ix-xogħol siewi li qed tagħmel Breaking Limits u għaqdiet oħrajn biex isemmgħu leħinhom. Fl-istess waqt qal li hemm bżonn ta’ għaqda f’dan il-qasam biex ikollna front komuni. Dr Mercieca qal li fejn hu possibbli, il-Gvern se jkun qed jaħdem biex ikollna mainstreaming ta’ kull fażi tal-persuni b’diżabilità kemm fil-qasam edukattiv, xogħol u anke divertiment.

Waqt li rrefera għal  bosta laqgħat li kellu ma’ persuni b’diżabilità u NGO’s fil-qasam f’dawn l-aħħar sitt xhur, l-Onor. Segretarju Parlamentari sostna li dawn id-diskussjonijiet huma importanti ħafna għax permezz tagħhom nistgħu nifhmu aħjar x’inhuma l-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum il-persuni b’dizabilità u naġixxu fuqhom. Huwa sostna wkoll li dan il-Gvern qed jaħdem biex mir-riżorsi limitati li għandna nilħqu aktar persuni b’diżabilità.

L-Onor. Segretarju Parlamentari qal li bħalissa s-servizzi qed jaslu għand persentaġġ żgħir ħafna u għalhekk l-importanza li ninvestu b’għaqal r-riżorsi finanzjarji allokati għal dan is-settur bil-għan li aktar persuni jibbenefikaw mis-servizzi offruti.

Preżenti għad-diskussjoni kien hemm ukoll il-Ministru responsabbli mis-settur tal-volontarjat Dr Helena Dalli.  Hija tkellmet dwar is-sehem neċessarju tal-għaqdiet volontarji f’pajjiżna, li joffru servizzi professjonali li sa issa għadu ma jipprovdiehomx l-Istat. 

Dr Dalli qalet li permezz tal-ħidma ta’ dawn l-NGOs, il-persuni b’diżabbilità jistgħu jgħixu fiċ-ċentru tal-komunità u f’ħafna drabi jgħixu wkoll ħajja indipendenti.

Il-Ministru Dalli qalet li l-esperenza tagħha matul dawn l-aħħar xhur kienet waħda li tgħallmet ħafna minnha permezz tad-djalogu mal-NGOs.  Hi saħqet fuq l-importanza tad-djalogu soċjali bejn il-Gvern u dawn l-għaqdiet.  Dr Dalli qalet li bis-saħħa tal-esperjenza tagħhom l-għaqdiet nongovernattivi jistgħu jikkontribwixxu għall-politika favur it-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabbilità.

Dr Dalli fakkret kif il-Gvern, fejn hu possibbli, qed jagħti għajnuna finanzjarja lill-għaqdiet governattivi permezz ta’ diversi fondi li huma jistgħu japplikaw għalihom.  Semmiet ukoll kif il-MEUSAC qed jagħti għajnuna teknika lill-NGOs sabiex jaċċessaw u jiksbu fondi tal-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru Dalli qalet li hija dejjem disposta li tiltaqa’ mal-għaqdiet nongovernattivi li jaħdmu f’oqsma differenti sabiex tissaħħaħ ir-relazzjoni bejnhom u l-Gvern.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Il-Ministru Chris Fearne jindirizza t-18-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta

PR262031

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...

Aktar Stqarrijiet Right arrow