IL-KWALITÀ TAL-ARJA TOLQOT LILL-FAMILJI MALTIN FIL-LAĦAM IL-ĦAJ GĦAX TORBOT L-AMBJENT U S-SAĦĦA FLIMKIEN
Dalgħodu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat u l-Ministru għas-Saħħa Godfrey Farruġia żaru attività bl-isem ta’ “Arja Nadifa...Għal Saħħtek Aħjar!” Attività mtella’ mill-Ministeru tas-Saħħa li kienet tinkludi stand informattiva għal kontra t-tipjip u biex wieħed inaqqas mill-piż.
Żewġ realtajiet li għalkemm jistgħu jidru biss bħala aspetti ta’ saħħa, marbuta magħhom hemm ukoll l-impatt fuq l-ambjent b’mod partikulari l-kwalità tal-arja.
It-tipjip jikkontribwixxi wkoll għal tniġġis fl-arja. Biex wieħed inaqqas mill-piż għandu bżonn l-eżerċizzju u f’dan il-każ mixja mhux biss tagħmel tajjeb għas-saħħa iżda wkoll għall-kwalità tal-arja, fejn dak li jkun jevita milli juża l-karozza tiegħu speċjalment għal distanzi qosra.
Il-Ministru Leo Brincat qal li l-kwalità tal-arja tolqot lill-familji Maltin u Għawdxin fil-laħam il-ħaj għaliex torbot flimkien l-ambjent u s-saħħa, flok titratta l-ambjent f’mod astratt jew wieħed purament akkademiku.
Qal li l-aspett tas-saħħa ambjentali għandu prezz ekonomiku wkoll għaliex jekk in-nefqa fuq kura medika tiżdied minħabba problemi ta’ saħħa kkawżati minn tniġġis ambjentali, fl-aħħar mill-aħħar ikun it-taxpayer innifsu li jħallas minn butu għal dawn in-nuqqasijiet.
Il-Ministru Brincat qal li l-Unjoni Ewropea għadha kif ikkonfermat li ta’ kull sena jmutu madwar 420,000 ruħ qabel iż-żmien minħabba problemi ta’ tniġġis tal-arja.
Qal li l-Gvern huwa kommess li jagħti prijorità lil din il-kwistjoni anke kif inhuwa marbut li jagħmel permezz tal-programm li ġie elett fuqu.
Il-Ministru Godfrey Farruġia tkellem dwar l-importanza li jkun hemm aktar kuxjenza fil-qasam tas-saħħa.
Huwa faħħar lil dawk kollha li jagħtu servizz fis-settur tas-saħħa u qal li d-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa jinsab fuq quddiem biex joħloq kuxjenza dwar il-prevenzjoni tal-mard. Qal li huwa importanti li nikkontrollaw l-obeżità li tista’ twassal għal mard serju. Dan jorbot sew mall-attività tal-Car Free Day għaliex l-eżerċizzju huwa wieħed importanti, flimkien ma’ dieta tajba, biex wieħed inaqqas il-piż.
Il-Ministru Farruġia spjega li l-arja ta’ madwarna mhux biss qed tkun ikkontaminata minn dħaħen tal-karozzi iżda wkoll minn dħaħen oħra bħal dawk tas-sigaretti. Qal li meta wieħed jiddeċiedi li jieqaf ipejjep mhux biss ikun qed jagħmel ġid għalih innifsu iżda wkoll jikkontribwixxi għal arja aktar nadifa.
Stqarrijiet Oħra:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031