IL-MINISTRU CARDONA JŻUR IL-KUMPANIJA G4S
Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr. Chris Cardona żar il-kumpanija G4S, li ilha stabbilita f’Malta għal dawn l-aħħar 25 sena.
Il-Ministru Cardona qal li kien qed jinnota b’sodisfazzjon li din il-kumpanija tagħraf li l-assi ewlenin tagħha huma l-impjegati, li b’kollox jammontaw għal 600 ruħ. Saħaq li dan huwa rifless ukoll fir-relazzjoni tajba li tezisti bejn il-kumpanija u l-Union li tirraprezenta lill-ħaddiema li ilhom joperaw taħt ftehim kollettiv għal dawn l-aħħar 15-il sena. Dr. Chris Cardona qal li jinsab konvint li jekk il-kumpanija żżomm dan l-approċċ se tkompli ssaħħaħ il-pozizzjoni tagħha fis-settur tas-sigurtà.
Il-Ministru Cardona qal li sfortunatament is-settur tas-sigurtà flimkien ma’ dak tat-tindif huwa ħafna drabi assoċjat mal-prekarjat. “Kumpaniji bħal G4S jibgħatu messaġġ b’saħħtu hemm barra, messaġġ lil dawk il-kumpaniji li jew qed iħaddmu bil-prekarjat jew li qed jikkonsidraw iħaddmu bil-prekarjat. Il-messaġġ huwa li s-suċċess fin-negozju ma jiġix billi tabbuża mill-ħaddiema tiegħek imma għall-kuntrarju billi tikkonsidrahom bħala l-assi ewlenin tiegħek, tinvesti fit-taħriġ tagħhom, tirrispetta l-kundizzjonijiet u żżomm relazzjoni tajba ma min jirrappreżentahom.”
Dr. Chris Cardona qal li l-Gvern ukoll qed iwassal messaġġ li huwa dispost jaħdem ma’ dawk kollha li jirrispettaw lill-ħaddiema u mhux se jittolera li jkun hawn min jabbuża mill-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Fl-istess waqt il-Gvern se jara li jidħol il-kunċett ta’ Equal Pay for Equal Work, biex ikun assigurat li ma jkunx hemm diskrepanzi fil-kundizzjonijiet ta’ impjegati li jaħdmu fl-istess xogħol.
Aktar kmieni l-Ministru Chris Cardona żar l-uffiċini tal-kumpanija u ltaqa’ ma’ wħud mill-impjegati preżenti, akkumpanjat miċ-chairman tal-kumpanija is-Sur Kenneth De Martino u l-General Manager Julian Dimech.
Other Press Releases:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031