STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-INTERN U S-SIGURTÀ NAZZJONALI
Ma tinstabx droga fil-ħabs wara iktar spezzjonijiet għal għarrieda
Ikomplu aktar spezzjonijiet għal għarrieda fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin bl-għan li tinqered darba għal dejjem id-droga fil-ħabs kif wiegħed il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manuel Mallia.
Din id-darba l-ispezzjoni kienet ordnata mid-direttur tal-ħabs u saret permezz ta’ sitta u għoxrin uffiċjal korrettiv, membri mill-Ispecial Response Team, kif ukoll żewġ uffiċjali tal-Pulizija tat-Taqsima tal-klieb ta’ kontra d-droga li minħabba din l-ispezzjoni ġew dettaljati biex jirrapportaw fil-Faċilità.
It-tfittxija li kienet waħda intensiva u saret f’diviżjoni 1 u f’diviżjoni 2, kif ukoll fl-iskola tal-Faċilità damet tliet sigħat u nofs. It-tfittxijiet saru kemm fiż-żewġ diviżjonijiet kif ukoll fil-91 ċella li hemm fihom.
Filwaqt li droga ma nstabitx, instabu numru ta’ affarijiet li mhumiex permissibbli fiċ-ċelel. Fost l-affarijiet li nstabu kien hemm żewġ mobile phones, internet key, sim card, hard disk u pen drive.
Dawn l-affarijiet mhumiex permessibbli minħabba li kull kuntatt li jsir mill-priġunieri barra mill-ħabs irid ikun mgħarraf lit-tmexxija tal-ħabs. Dan bl-għan li r-riforma tal-priġunieri tkun superviżjonata fis-sħiħ u apparti minn hekk jkun hemm ċertezza li l-priġunieri ma jkomplux għaddejjin b’kuntatti li potenzjalment ikunu għadhom għaddejjin b’attivitajiet kriminali.
Saru wkoll tfittxijiet bil-klieb għad-droga, u kif digà ngħad dawn it-tfittxijiet rriżultaw fin-negattiv.
Din it-tfittxija saret peress li qiegħda tintensifika l-ħidma fil-ħabs biex tinqered id-droga, problema li ilha tippersisti fil-Faċilità għal diversi snin. Dan wara li fil-jiem li għaddew saru wkoll testijiet tal-urina fuq l-uffiċjali tal-ħabs fejn instabu żewġ persuni pożittivi għal sustanza illegali kif ukoll inqabad vann privat li kien qed iġorr apparat għall-ħabs, bi kwantità ta’ droga.
Il-Ministru tal-Intern Manuel Mallia irringrazzja lit-tmexxija tal-ħabs li qed tieħu bis-serjetà d-direzzjoni li ngħatat minnu għall-Faċilità Korretiva ta’ Kordin. Il-Ministru Mallia filwaqt li jinnota li din id-darba ma nstabitx droga fil-ħabs, jappella lit-tmexxija tal-ħabs biex tkompli tippersisti fit-tfittxijiet hekk kif il-ġlieda kontra d-droga fil-ħabs ghandha tkun waħda li tibqa’ dejjem għaddejja mingħajr waqfien.
Other Press Releases:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031