STQARRIJA TAL-GVERN
IFALLI ATTENTAT IDDISPRAT TAL-OPPOŻIZZJONI BIEX JGĦATTU DNUBIETHOM DWAR IL-PARK TAL-FAMILJA.
Joħroġ ċar li l-konferenza tal-aħbarijiet organizzata llum minn esponenti ewlenin tal-Partit Nazzjonalista quddiem il-Park tal-Familja f’Marsaskala kellha l-għan li tipprova tgħatti d-dnubiet tal-amministrazzjoni preċedenti u l-mod ħażin ta’ kif saru l-affarijiet.
Fil-kummenti tagħhom l-kelliema tal-Oppożizzjoni ma qalux li l-Gvern għalaq temporanjament il-Park tal-Familja bħala prekawzjoni għall-familji, malli l-Gvern gie ppreżentat bil-konklużjonijiet tar-rapport xjentifiku li sar minn tim tekniku immexxi mill-espert Dr. Edward A. Mallia.
Ma qalux li mal-għeluq temporanju tal-park, il-Gvern għamel l-arranġementi meħtieġa mal-MEPA biex għall-ewwel darba kemm ilu miftuħ il-Park tal-Familja jkun hemm moniteraġġ fit-tul u f’ħin reali tal-emissjonijiet fiż-żona tal-park u tal-impjant biex iħares is-saħħa tan-nies kollha fil-qrib inkluż tar-residenti ta’ Wied il-Għajn. Dan il-moniteraġġ għadu għaddej biex il-Gvern joffri serħan il-moħħ.
L-eżerċizzju ta’ moniteraġġ fuq medda ta’ żmien xieraq qed juri s’issa li għalkemm fl-ebda okkażżjoni l-medja ta’ emissjonijiet ta’ kubrit ma ġewx qrib il-livell aċċettat mill-Unjoni Ewropeja, mir-recordings l-aktar li telgħu s’issa dawn l-emissjonijiet kien għal 11.4% tal-medja aċċettabbli fuq bażi ta’ kuljum (daily limit value). Dan filwaqt li l-medja tul kemm ilu jsir il-moniteraġġ laħqet s’issa t-3.3% tal-limiti stabbiliti mill-Unjoni Ewropeja. Biex isir eżerċizzju bħal dan bis-serjetà l-moniteraġġ ma jistax isir fuq żmien qasir.
Il-kelliema tal-Oppożizzjoni, inkluż id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino li kien direttament responsabbli għall-Park tal-Familja u għall-Impjant ta’ Sant Antnin, għal darb’oħra ħarbu għal kollox milli jwieġbu għall-konklużjonijiet serji li ħarġu:
• Li taħt l-amministrazzjoni preċedenti kien hemm mismanagement serju fit-tmexxija tal-Park tal-Familja, inklużi għadd ta’ direct orders kbar li skont l-MEU saru b’mod kapriċċjuż.
• Mhux biss l-Park tal-Familja infetaħ u tħalla mingħajr pjan għall-immaniġġjar, iżda ħareġ ċar ukoll li l-amministrazzjoni preċedenti poġġiet fil-ġenb kull offerta u proposta tal-Management Efficiency Unit (MEU) li sa mis-sena 2007 kienu offrewlhom qafas ta’ kif kellu jiġi mħejji pjan għall-immaniġġjar tal-park
• Qatt ma sar awditjar intern dwar l-infieq li sar fuq il-Park tal-Familja
• Il-Park tal-Familja tħalla mingħajr ċertifikazzjoni u policies dwar saħħa u sigurtà u ebda provvediment għan-nies bi bżonnijiet speċjali
• Il-Park infetaħ mingħajr ebda sistema għall-immaniġġjar tal-ilma meta dan jiddependi daqstant fuq l-ilma.
Meta ftit tal-jiem ilu kien qed jieħu sehem f’attività politika f’Marsaskala, il-Kap tal-Oppożizzjoni naqas milli jikkundanna n-nuqqasijiet serji li saru taħt l-amministrazzjoni preċedenti kemm fil-Park tal-Familja, kif ukoll fil-WasteServ.
F’dawn iċ-ċirkustanzi jispikkaw l-arroganza u l-qerq politiku tal-Oppożizzjoni, kif ukoll is-skiet misterjuż tal-Kap tal-Oppożizzjoni li għażel li jaħsel idejh u jevita għal kollox milli jikkummenta dwar il-konklużjonijiet serji li joħorġu kemm mir-rapport tal-MEU dwar il-Park tal-Familja, kif ukoll minn rapporti ohra ta’ konsulenti indipendenti imqabbdin mill-Gvern dwar l-operat tal-WasteServ u tal-Impjant ta’ Sant Antnin taħt amministrazzjoni Nazzjonalista. Liema rapporti waslu għal konklużjoni waħda u komuni:
• Li taħt l-amministrazzjoni Nazzjonalista ma kien hemm ebda strutturi ta’ good governance u ta’ tmexxija serja, għaqlija u trasparenti, la fil-Park tal-Familja u lanqas fil-WasteServ innifisha
L-Oppozizzjoni tinsab f’paniku akbar hħax taf li diġà għaddej l-proċess biex dawn in-nuqqasijiet kollha li huma serji, jiġu indirizzati mingħajr ebda tkaxkir tas-saqajn u dan biex għall-ewwel darba mit-twaqqif tiwgħu l-Park tal-Familja jitħaddem f’mod sostenibbli.
Other Press Releases:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031