STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA
Għal dan il-Gvern, l-ingaġġ ta’ infermiera huwa prijorità
Il-Ministeru għas-Saħħa jirrikonoxxi li l-ingaġġ tal-infermiera huwa wieħed ta’ prijorità. Waħda mill-prijoritajiet, fost ħafna, li qed jaħdem fuqha l-Ministeru għas-Saħħa hija n-nuqqas ta’ infermiera fis-settur tas-saħħa. Il-ħidma tal-Ministeru dwar dan in-nuqqas hija mifruxa fuq diversi binarji.
Is-sena li għaddiet is-sejħa għall-infermiera saret f’Marzu, imma din is-sena dan ma setax isir għaliex f’Marzu kien hemm l-elezzjoni ġenerali.
Minkejja dan, il-Ministeru għas-Saħħa tant qies l-ingaġġ tal-infermiera bħala prijorità, li minkejja li ma kienx għad hemm baġit, il-Ministeru għas-Saħħa xorta identifika r-riżorsi finanzjarji meħtieġa bil-ħsieb li jimpjega lill-gradwati kollha tan-nursing għal din is-sena.
Fil-passat l-infermiera ġieli tħallew jistennew xhur sħaħ qabel ma ħadu l-impjieg tagħhom.
Din is-sena ħarġu żewġ sejħiet biex jiġu ingaġġati infermiera, u mhux waħda, kif kien isir fil-passat. Waħda ħarġet f’ Ġunju għall-infermiera li huma diġà kwalifikati u bl-esperjenza, biex dawn jagħtu servizz fis-settur tas-saħħa.
Saret sejħa oħra f’Awwissu, li għadha kemm għalqet, fis-27 ta’ Awissu.
Wieħed jirrikonoxxi li l-fatt li l-proċess tal-għażla ta’ mijiet ta’ infermiera, jieħu ż-żmien naturali tiegħu. Bħalissa qed jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex dan il-proċess jiġi konkluż mill-aktar fis possibbli, skont it-termini tar-regolamenti li jirregolaw l-ingaġġ pubbliku fil-pajjiż.
Apparti dan, il-Ministeru għandu wkoll il-ħsieb biex fil-bidu tas-sena d-dieħla jerġa’ joħroġ sejħa oħra għall-infermiera filwaqt li qiegħed jaħdem ukoll biex jattira aktar studenti jidħlu l-Università u jiggradwaw bħala infermiera.
Other Press Releases:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031