MALTA U L-UKRAINA JIDDISKUTU R-RELAZZJONIJIET BEJN IŻ-ŻEWĠ PAJJIŻI U MAL-UNJONI EWROPEA
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin it-Tabib George W. Vella, li akkumpanja lill-Prim Ministru fil-laqgħa uffiċjali fl-Ukraina mal-President Viktor Yanukovych u l-Prim Ministru Mykola Azarov, baqa’ ġewwa Kiev biex ilbieraħ filgħaxija kellu laqgħa fit-tul mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Leonid Kozhara, li stieden lill-Ministru Vella għal ikla li matulha ddiskutew fit-tul ir-relazzjonijiet futuri bejn Malta u l-Ukraina, partikolarment ir-relazzjonijiet li l-Ukraina taspira li jkollha mal-Unjoni Ewropea. F’atmosfera kordjali, sar qbil fuq ħafna inizjattivi li jistgħu jittieħdu bejn iż-żewġ pajjiżi fil-futur.
Illum il-Ħamis, il-Ministru Vella kellu wkoll sensiela ta’ laqgħat fil-Parlament ta’ Kiev mal-mexxejja u esponenti ewlenin tal-partiti prinċipali li jiffurmaw il-Gvern u l-Oppożizzjoni fil-Parlament Ukren. Il-Ministru kellu laqgħat mal-Party of Regions, il-Partit All Ukrainian United Fatherland, il-Partit tal-Ukrainian Democratic Alliance for Reform (UDAR) u anki mal-Partit All Ukrainian Union Svoboda. Il-mexxejja ta’ dawn il-partiti ddiskutew mal-Ministru Vella il-politika tagħhom, b’mod partikolari ta’ kif iħarsu lejn il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li l-Ukraina mistennija jkollha mal-Unjoni Ewropea. Wieħed iħares lejn l-aspetti ekonomiċi, l-aspetti politiċi, kif ukoll l-issue importanti tal-każ tal-ex-Prim Ministru Yulia Tymoschenko, li bħalissa tinsab il-ħabs.
Il-Ministru Vella, li kien akkumpanjat mis-Segretarju Privat tiegħu, is-Sur Olaph Terribile, iddiskuta l-prospetti kollha li jistgħu jippreżentaw irwieħhom taħt xenarji politiċi li jistgħu jiżviluppaw skont deċiżjonijiet li jistgħu jittieħdu fis-summit tal-mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li se jinżamm f’Vilnius f’Novembru li ġej.
Il-Ministru Vella llum mistenni jitlaq għal Vilnius, fejn se jattendi għal-laqgħa informali (Gymnich) tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin li se tinżamm taħt il-Presidenza tal-Litwanja u li fiha mistennija jiġu diskussi is-Sirja, l-Eġittu u l-Lvant Nofsani. Ta’ min jinnota li f’parti minn din il-laqgħa se jkun preżenti is-Segretarju tal-Istat Amerikan John Kerry, li mistenni jiddiskuti s-suġġetti imsemmija mal-Ministri tal-Unjoni Ewropea
Stqarrijiet Oħra:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031