ID-DEPUTAT PRIM MINISTRU LOUIS GRECH F’LAQGĦA MAL-PRESIDENZA TAL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA FIL-LITWANJA
Diskussi għadd ta’ temi inkluż is-Sirja
Id-Deputat Prim Minsitru Louis Grech kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Litwan Linas Linkevicius fil-Litwanja li bħalissa għandha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Fost it-temi li ġew diskussi fil-laqgħa li saret fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin f’Vilnius kien hemm ir-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewg pajjiżi, il-futur tal-Unjoni Ewropea kif wkoll is-sitwazzjoni fis-Sirja.
Mal-Minstru tal-Affarijiet Barranin Litwan, id-Deputat Prim Ministru Grech wassal it-tħassib tal-poplu u l-Gvern Malti għall-attakki kimiċi li seħħew fis-Sirja u kkundannhom bla ebda riżervi. Huwa żied jgħid li l-komunità internazzjonali għandha taġixxi biex titwaqqaf din il-vjolenza iżda dan għandu jsir biss permezz ta’ ħidma diplomatika u iniżjattivi mill-Ġnus Magħquda (UN).
Immigrazzjoni irregolari
Suġġett ieħor diskuss kien l-immigrazzjoni irregolari. Id-Deputat Prim Ministru beda biex irringrazzja lil-Litwanja għall-għajnuna li tat diġà lil Malta. Madanakollu saħaq li pajjiżna għandu bżonn iktar għajnuna mill-pajjiżi membri hekk kif il-piż li qed jinġarr minn Malta huwa wieħed sproporzjonat. Qal li hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tibda tindirizza l-problema mill-għeruq tagħha, jiġifieri l-instabbiltà f’pajjiżi fl-Afrika li minnhom joriġinaw l-immigranti li mbagħad jiżbarkaw f’pajjiżna. Il-Libja għandha wkoll tkun sieħeb ewlieni fil-ħidma wiesgħa li għandha tidħol għaliha l-Unjoni Ewropea f’dan ir-rigward.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Litwan Linas Linkevicius wiegħed li l-Presidenza Litwana se tkun aktar sensittiva għall-problemi li jiltaqgħu magħhom pajjiżi fil-periferija tal-Unjoni Ewropea.
Intant, iż-żewġ naħat qablu li delegazzjonijiet miż-żewġ pajjiżi jistabbilixxu kuntatt għall-konsultazzjonijiet fuq suġġetti ta’ interess komuni. Intlaħaq qbil wkoll sabiex wara li tintemm il-Presidenza Litwana, Malta tibgħat delegazzjoni fil-pajjiż fejn in-naħa Litwana, mill-esperjenza tagħha, tkun tista’ tagħti għajnuna fil-preparazzjoni għall-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea fl-2017.
Laqgħa tal-Ministri Ewropej
Id-Deputat Prim Ministru ħa sehem ukoll fil-laqgħa informali tal-Ministri tal-Affarijiet Ewropej f’Vilnius. It-tema prinċipali tal-laqgħa kienet il-bżonn ta’ parteċipazzjoni akbar fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej.
Fl-intervent tiegħu d-Deputat Prim Ministru Grech tkellem dwar il-bżonn ta’ ħidma sabiex iċ-ċittadini jerġgħu jibdew jemmnu u jafdaw aktar l-istituzzjonijiet Ewropej.
“Irridu nuru kif l-Ewropa jista’ jkollha effett pożittiv fuq il-ħajja ta’ kuljum ta’ kull ċittadin f’kull Stat Membru, inkluż permezz ta’ tkabbir ekonomiku li jinħass direttament fil-bwiet tan-nies. F’dan ir-rigward, is-suq uniku għandu potenzjal li għadna ma sfruttajniex”.
Qal li l-Ewropa m’għandiex tippretendi appoġġ jekk ma tkunx hi stess li tara x’inhuma l-prijoritajiet tan-nies fl-ibliet u l-irħula tal-Istati Membri u taħdem fuqhom. Apparti l-prijoritijiet komuni bħall-irkupru ekonomiku mill-kriżi u l-impjiegi, iċ-ċittadini f’kull membru stat għandhom prijoritajiet partikolari li ma jistgħux jiġu skartati.
Id-Deputat Prim Ministru Grech qajjem wkoll il-punt li t-tlett istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament, għandhom jikkollaboraw aħjar flimkien u jkunu aktar effettivi.
Il-kummenti tad-Deputat Prim Ministru sabu l-appoġġ minn Ministri preżenti li sostnew li, dwar ħafna punti, inkluż l-immigrazzjoni irregolari, l-Ewropa qed tiddiżappunta lic-ċittadini tagħha u hemm bżonn li dan in-nuqqas jiġi indirizzat.
Other Press Releases:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031