Left arrow Go Back

Deċiżjoni revokata għax kontra l-liġi

pr1813
Date Icon 31/08/2013

Dalgħodu s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kultura u l-Kunsilli Lokali Jose’ Herrera ħabbar li talab lid-Direttur tal-Gvern Lokali biex b’effett immedjat jirrevoka d-deċiżjoni li ħa l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan dwar il-proġett ta’ dar tal-anzjani, parkeġġ u uffiċċji ġodda. Huwa qal li l-proċedura addottata mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan hija rregolari u kontra l-liġi bħal dan li kieku kienet bbazata fuq xi “beauty contest” mingħajr  l-iċken dritt t’appell. F’konferenza tal-aħbarijiet huwa qal li l-għażla ta’ proġett li fuq medda ta’ 25 sena jista’ jkollu valur ta’ mitt miljun ewro hija ħazina għaliex tmur kontra kull prinċipju ta’ ġustizzja naturali. Għalhekk ħabbar li qed jitlob lill-Bord tal-Governanza biex jinvestiga u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu fuq dan il-każ.

Kronoloġija tal-fatti:

Is-Segretarju Parlamentari ppreżenta kronoloġija tal-avvenimenti kif ġraw f’dan il-każ. Huwa qal li fit-12 ta’ Novembru 2009 il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan applika għad-devoluzzjoni ta’ medda art fi Triq MA Borg kantuniera ma’ Triq MA Vassalli biex jiżviluppa dar tal-anzjani u uffiċċini tal-kunsill permezz ta’ Public Private Partnership bi stima ta’ €13,700,000. Fit-13 ta’ Novembru 2009 id-Dipartiment għall-Gvern Lokali bagħat l-applikazzjoni lid-Diviżjoni tal-Proprjeta` tal-Gvern (GPD Government Property Division). Fid-9 ta’ Frar 2010 id-Diviżjoni tal-Proprjeta` tal-Gvern kitbet li l-Gvern lest jikkunsidra li jagħti b’devoluzzjoni l-art tal-Gvern li tifforma parti kbira mill-art mitluba dment li jinkiseb il-permess mill-MEPA. Fit-2 ta’ Marzu 2010 l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan kiteb li aċċetta l-proposta u ser japplika mal-MEPA. Xi ħaġa li m’għamilx minkejja d-diversi talbiet li saru mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali fl-24 ta’ Marzu, 19 t’April, 26 ta’ Mejju u 29 ta’ Lulju 2010.

Fl-24 t’Awissu 2010 l-ġurnal Times Of Malta ppublikat artiklu ‘St Julians LC plans to develop old people’s home’ u fis-27 ta’ Awissu 2010 id-Dipartiment għall-Gvern Lokali reġa’ bagħat ifakkar lill-Kunsill Lokali San Ġiljan dwar il-permessi tal-MEPA.

Huwa qal li fit-30 ta’ Jannar 2012 id-Diviżjoni tal-Proprjeta` tal-Gvern kitbet lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali li mhux lest jagħti l-art għall-bini tad-dar tal-anzjani u parkeġġ b’devoluzzjoni lill-Kunsill Lokali San Ġiljan izda b’sejħa għal tenders.

Fil-25 t’Awissu 2013 il-gazzetta Maltatoday irrapportat li l-Kunsill Lokali San Ġiljan assenja l-proġett mingħajr tender u l-Ġimgħa 30 t’Awissu wieħed mill-konsorzja interessati ppreżenta protest ġudizjarju kontra l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan għaliex ġie skwalifikat mingħajr raġuni.

Nuqqasijiet:

Is-Segretarju Parlamentari Jose Herrera qal li l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan qatt ma talab għall-ebda clearance finanzjarja jew ippreżenta feasibility study lill-unit tad-devoluzzjoni dak iż-żmien. Huwa qal li l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan għadu sal-lum, ma bagħatx lid-Direttur tal-Gvern Lokali kopja tal-permessi tal-MEPA u għalhekk strettament l-applikazzjoni għad-devoluzzjoni għadha pendenti.

Qal li l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan la nforma lid-Diviżjoni tal-Proprjeta` tal-Gvern u lanqas lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali jekk iridx ikompli għaddej bil-proċess ta’ devoluzzjoni mingħand id-Dipartiment għall-Gvern Lokali jew mill-Gvern Ċentrali.

Jirriżulta wkoll, qal Herrera, li ma ġewx stabbiliti l-kriterji dwar l-għotja ta’ din is-sejħa għall-offerti u għalhekk il-proċedura kienet aktar tixbah lil ta’ xi beauty contest. Dan apparti, li l-prinċipju tal-ġustizzja naturali bħad-dritt ta’ smiegħ xieraq u d-dritt tal-appell ġew injorati għall-kollox, tenna s-Segretarju Parlamentari.

Decizjoni fi zmien xahar:

Agħar minn hekk, qal is-Segretarju Parlamentari, expression of interest għall-proġett li jista’ jlaħħaq l-mitt miljun ewro ġiet deċiża fi zmien xahar. Dan għaliex fil-21 ta’ Lulju 2013 il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan ippublika s-sejħa t’interess għal partner strateġiku fis-Sunday Times of Malta mingħajr ma nforma lid- Dipartiment ġħall-Gvern Lokali. Fit-12 t’Awissu 2013 il-Perit Stephen Farruġia minn Malta Planning and Desiġn Consultants irrakkommanda s-sieħeb strateġiku. Imbagħad, qal is-Segretarju Parlamentari, fis-27 t’Awissu 2013 il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan bagħat email lid-Direttur tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali biex jissanzjonalu l-proċedura li mexa biha. F’din l-email (li kopja tagħħa qed tinbgħat ma din l-istqarrija) l-Kunsill Lokali talab “gwida dwar jekk kienx korrett fil-proċedura meta mexa abbażi ta’ avviż li ħareg il-Gvern”.

“Wieħed ma jistax jifhem kif l-ewwel il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan ħa kollox f’idejh u qabad u iddeċieda u mbagħad talab lid-dipartiment sabiex jara jekk mexiex skond il-proċeduri”, tenna s-Segretarju Parlamentari. “Il-Kunsill Lokali ta’ San Giljan kien ikun korrett kieku kompla bil-koordinazzjoni mad-Dipartimenti kkonċernati u mhux jagħmel kollox waħdu mingħajr ma jgħarraf lid-Dipartimenti skont kif tirrikkjedi l-liġi”, qal is-Segretarju Parlamentari. Fil-fatt hawn kwota artiklu 3 (2) (b) u (d) tal-Att tal-Kunsilli Lokali fejn jingħad ċar li “l-kunsill m’għandux setgħa li jidħol f’xi forma ta’ socjeta kummercjali sew għal qadi ta’ dmirijietu jew xorta oħra kemm –il darba ma jigix awtorizzat bil-miktub mill-ministru” politikament responsabbli mill-kunsilli lokali, tenna Herrera. Huwa qal li l-Kunsilli Lokali lanqas ma jistgħu jidħlu f’xi forma ta’ Public Private Partnersħip qabel ma jkun hemm l-approvazzjoni tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali u l-approvazzjoni tal-Ministru tal-Finanzi u tal-Kunsilli Lokali. Minn dan kollu ma sar xejn tenna Herrera u għalhekk talab lid-deċiżjoni tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan tiġi revokata għaliex hija kontra l-liġi. “In vista ta’ dan jiena qiegħed ninforma lid-Direttur għall-Gvern Lokali sabiex jagħti l-istruzzjonijiet neċessarji lill- Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan ħalli jwaqqaf b’mod immedjat dan il-proċess li jidher li huwa wieħed irregolari” tenna Herrera.

Huwa qal li mid-dokumenti li għandu d-Dipartment jirriżulta illi l-proġett kellu jsegwi ir-Regolamenti dwar il-Kuntratti Pubbliċi li ma sarx. “Ta’ min jinnota li fil-każ fejn din it-tip ta’ konċessjoni jkollha valur ta’ aktar minn 5 miljun ewro trid tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea u jekk dan ma jseħħx ikun hemm ir-riskju li l-kuntratt susseggwenti jiġi ddikjarat ineffettiv”, tenna s-Segretarju Parlamentari.

Il-Bord tal-Governanza mitlub jinvestiga:

Is-Segretarju Parlamentari qal li jitlob lill-Bord tal-Governanza biex jinvestiga l-mod li bih mexa l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu fuq il-każ. “Ninsisti li r-rappreżentanti eletti tagħna fil-kunsilli lokali għandhom juru l-ogħla livelli ta’ tmexxija nadifa, kontabbli u responsabli biex b’hekk ikattru l-fiduċja tan-nies fil-Gvernijiet Lokali, issa li dawn daħlu fl-20 sena tagħhom”, tenna s-Segretarju Parlamentari. Huwa qal li d-deċiżjonijiet li qed jieħu l-ministeru tiegħu huma “fl-interess ta’ tmexxija għaqlija u kontabbli li din l-amministrazzjoni qed titlob mill-Kunsill Lokali f’pajjiżna”.

Għall-mistoqsijiet li sarulu mill-ġurnalisti Herrera qal li l-Gvern qed jattaka l-proċedura u mhux l-proġett. “Il-kunsill Lokali ta’ San Ġiljan ried lis-Segretarjat jirratifika id-deċiżhoni iżda din ma kienetx aċċettabli”, tenna s-Segretarju Parlamentari. “Ma jistax ikun li proġett li ġie deġiż b’dan il-mod ma jitwaqqafx. Bid-deċiżjonijiet li ħadna din il-ġimgħa qed nuru li fejn tidħol l-amministrazzjoni tal-Kunsilli Lokali dan il-Gvern jieħu l-affarijiet bis-serjeta’ għax fin-nofs hemm flus il-poplu”, tenna Herrera.

Huwa qal li l-posizzjoni li ħa fuq il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan hija waħda studjata u motivata ir-raġuni u l-bon governanza għalhekk is-Segretarjat li jmexxi ħa zmien jinvestiga qabel pronunzja ruħu fil-pubbliku dwar il-kwistjoni.

Mehmuża – email - pr1813b.pdfpr1813b.pdf

                    liġi - pr1813c.pdfpr1813c.pdf

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Il-Ministru Chris Fearne jindirizza t-18-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta

PR262031

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...

More Press Releases Right arrow