IMĦABBRA NUMRU TA’ INIZJATTIVI FAVUR IL-PROMOZZJONI TAL-KWALITA’ TAL-ARJA, TUL IX-XAHAR TA’ SETTEMBRU
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li nżammet fil-Pieta’ l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat ħabbar li tul ix-xahar ta’ Settembru ser jiġu organizzati numru ta’ inizjattivi u attivitajiet favur il-promozzjoni tal-kwalita’ tal-arja u dan se jsir ukoll flimkien ma’ Ministeri oħrajn.
Dan sabiex titqajjem kuxjenza akbar fost iċ-ċittadini ta’ gżiritna dwar qasam li huwa ta’ prijorita’ għall-Gvern.
Il-Ministru Leo Brincat fakkar li tul ix-xahar ta’ Settembru f’pajjiżna wkoll se tittella’ l-Car Free Day u li l-Aġenzija Ewropeja għall-Ambjent iddedikat l-2013 bħala s-Sena tal-Arja.
Għal kuntrarju ta’ dak li seħħ fi snin ta’ qabel din is-sena ser ikun hemm numru ta’ inizjattivi favur il-promozzjoni tal-kwalita’ tal-arja b’żieda mal-Car Free Day.
Ħabbar li fl-inizjattivi li se jitellgħu flimkien mal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima ser ikunu involuti direttament il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, l-Ministeru għas-Saħħa, l-MEPA u Transport Malta.
Il-Ministru Brincat qal li waħda mill-aktar inizjattivi li għandha tqanqal interess, anke minħabba dak li se joħroġ minnha, hija diskussjoni pubblika organizzata mill-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli . Id-diskussjoni se ssir il-Ġimgħa 6 ta’ Settembru fis-6:30pm fi Triq Wesgħa Kunsill tal-Ewropa (fil-carpark faċċata tal-fergħa tal-HSBC). Matulha l-Gvern flimkien maċ-ċittadini preżenti ser ikun qed jagħfas fuq il-mixja ‘l quddiem li pajjiżna għandu jieħu biex inħarsu l-kwalita’ tal-arja.
Fost il-kelliema se jkun hemm l-espert Ġermaniż Karl Ludwig Hüttner, li jispeċjalizza fit-tniġġiż tal-arja u aspetti oħra marbutin mas-suġġet u li ġej mill-Ministeru Federali għall-Ambjent u l-Konservazzjoni tan-Natura fil-Ġermanja. Waqt iż-żjara tiegħu f’pajjiżna huwa se jkollu wkoll taħdidiet mal-Ministru Leo Brincat.
Attivita’ oħra li ħabbar il-Ministru Brincat se ssir b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Istitut tal-MCAST, fejn se jkun hemm it-tnedija ta’ proġett importanti ħafna li għandhom fl-MCAST fil-qasam tal-kwalita’ tal-arja.
B’kollaborazzjoni mal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura fil-jum tal-Car Free Day se tittella’ attivita’ bir-roti u fil-jiem ta’ qabel se jkun hemm attivita’ oħra li se twassal fit-tieni fażi tiegħu l-proġett Ewropew dwar l-introduzzjoni ta’ vetturi f’Malta li jaħdmu bl-elettriku.
Attivita’ oħra li se tittella’ flimkien mal-Ministeru għas-Saħħa tinkludi stands informattivi dwar kif meta wieħed inaqqas l-impatt fuq l-arja jieħu l-benefiċċji u hemm effetti pożittivi fuq is-saħħa tal-bniedem.
Il-MEPA f’ġurnata separata se torganizza Car Free Day għall-impjegati tagħha.
Nhar it-22 ta’ Settembru l-Jum tal-Car Free Day numru ta’ Kunsilli Lokali u NGOs se jkunu qegħdin itellgħu attivitajiet fit-toroq tal-lokalitajiet tagħhom u f’toroq oħra identifikati mill-NGOs. Fil-proposti li tressqu mill-Kunsilli Lokali u mill-NGOs spikkaw numru ta’ ideat kreattivi relatati mal-kwalita’ tal-arja. Id-dettalji dwar min ser ikunu l-Kunsilli Lokali u l-NGOs sejrin jiġu mħabbra fil-jiem li ġejjin fejn dawn ser jingħataw kull wieħed € 2,000, l-istess budget allokat fis-snin ta’ qabel u li huma flus li ġejjin mill-Environmental Initiatives in Partnership Programme Fund.
Stqarrijiet Oħra:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031