IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-BIEDJA, SAJD U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI JŻUR IL-FABBRIKI TAL-IPPROĊESSAR TAT-TADAM F’GĦAWDEX
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes wasal fi ftehim mal-proċessuri tad-tadam lokali għall-iproċessar biex dawn jieħdu t-tadam kollu tal-bdiewa li huwa ’l fuq mill-kwota miftehma. Dan l-arranġament sar bl-istess prezz miftiehem u b’hekk it-tadam kollu prodott f’Malta u Għawdex din is-sena ser imur għall-proċess ta’ tagħsir. Permezz ta’ dan il-ftehim il-produzzjoni tat-tadam għall-iproċessar mistennija li tlaħħaq madwar 8,500 tunellata, żieda ta’ madwar 30 fil-mija fuq iċ-ċifra tas-sena li għaddiet. Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes qal dan waqt żjara li għamel fil-fabbriki ta’ Magro Brothers u l-Farmers’ Food f’Għawdex, fejn kif ukoll żar ukoll xi bdiewa li qed jaqtgħu l-aħħar qata’ tat-tadam.
L-Onor Galdes qal li huwa laqa’ b’ħeġġa din l-opportunità hekk kif kważi spiċċa staġun ieħor tal-iproċessar tat-tadam Malti sabiex jagħti ħajr lil dawk kollha li jaħdmu biex din l-agro-industrija hekk importanti għall-gżejjer Maltin tissaħħaħ u tkompli tipproduċi prodott bnin u tradizzjonali. It-tadam huwa prodott Malti li mhux biss aħna kburin bih iżda wkoll għax warajh hemm industrija li tħaddem lil bosta nies kemm bdiewa kif ukoll dawk involuti fl-iproċessar u bejh tiegħu. It-tkabbir tat-tadam jikkontribwixxi għaż-żamma tal-attività fir-raba’ fl-eqqel tas-sajf u dan huwa importanti għall-ambjent ta’ pajjiżna u biex jiġi ippreservat il-pajsaġġ rurali.
Huwa qal ukoll li wara numru ta’ ġimgħat li fihom rajna lill-bdiewa jwettqu l-qtugħ fl-għelieqi tagħom u t-twassil għand il-proċessuri għall-għasir, liema proċess huwa kontrollat strettament permezz ta’ għadd kbir ta’ spezzjonijiet tal-uffiċjali tad-direttorat tal-agrikultura, issa għandna ċifri uffiċjali li jistmgħu li din is-sena ser nilħqu it-total ta’ produzzjoni ta’ iżjed minn 8.5 miljun kilo tat-tadam għall-iproċessar. Is-Segretarju Parlamentari stqarr li nistgħu nkunu ferm sodisfatti b’din iċ-ċifra meta nqisu li din tfisser żieda ta’ madwar 30 fil-mija jew 2.3 miljun kilo fuq il-produzzjoni tas-sena li għaddiet.
Stqarrijiet Oħra:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031