Left arrow Go Back

TRANSPARENZA U KONTABILITÀ

pr1798
Date Icon 29/08/2013

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kultura u l-Gvern Lokali José Herrera fis-sigħat li għaddew ikkomunika mad-Direttur tal-Gvern Lokali biex jitlob li tiġi riveduta deċiżjoni li kien ħa l-Kunsill Lokali tal-Munxar Għawdex għax tmur kontra l-ispirtu tal-liġi. F’dan il-każ il-Kunsill Lokali tal-Munxar kien daħal f’kuntratt ta’ xogħlijiet ma’ kuntrattur li wieħed mis-sub-contractors tiegħu huwa kunsillier tal-istess kunsill.

Is-Segretarju Parlamentari jirrikonixxi l-fatt li meta ġara l-każ, f’Marzu tal-2012, il-Kunsill Lokali kien talab gwida mingħand id-Dipartiment tal-Gvern Lokali, iżda l-parir li ngħata dakinhar, is-Segretarju Parlamentari illum jidhirlu li jmur kontra l-ispirtu tal-liġi u għalhekk qed jitlob li jiġi rivedut.

Is-Segretarju Parlamentari jfakkar li Artiklu 39 tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali kif ukoll Artiklu 11 tal-Kodiċi tal-Etika jagħmluha ċara li l-ebda rappreżentant elett m’għandu jkollu interessi (minbarra sigurtajiet f’kumpaniji pubbliċi) jew ikollhom xi kuntratt personali jew ftehim ma’ min jissuplixxi jew jieħu kuntratti tal-Gvern Lokali.

F’dan is-sens is-Segretarju Parlamentari kiteb ukoll lid-Direttur tal-Gvern Lokali biex b’mod immedjat fl-interess ta’ governanza lokali aktar nadifa u kontabbli jippubblika l-linji gwida (Memo Dipartimentali) ta’ kif għandhom jimxu proċeduri simili. Fl-istess waqt is-Segretarju Parlamentari José Herrera qiegħed jirrikonoxxi l-fatt li l-liġi kif inhi bħalissa tista’ tagħti lok ta’ interpretazzjonijiet differenti u għalhekk biex il-liġi tkun aktar ċara u mingħajr ebda ekwivoku, se jkun qiegħed jgħaddi lid-Direttur proposti ta’ emendi fil-liġi biex jinqata’ kwalunkwe forma ta’ interess, dirett jew indirett, li xi kunsilliera jista’ jkollhom f’xi xogħlijiet li l-istess kunsill ikun qed jagħti.

Dawn l-emendi jridu jidħlu fis-seħħ sa mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Settembru.

Is-Segretarju Parlamentari José Herrera jtenni li r-rappreżentanti eletti tagħna fil-kunsilli lokali għandhom juru l-ogħla livelli ta’ tmexxija nadifa, kontabbli u responsabbli biex b’hekk ikattru l-fiduċja tan-nies fil-Gvernijiet Lokali, issa li dawn daħlu fl-20 sena tagħhom.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Il-Ministru Chris Fearne jindirizza t-18-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta

PR262031

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...

More Press Releases Right arrow