JILTAQA’ GĦALL-EWWEL DARBA L-BORD IL-ĠDID TAL-INĠINIERA
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura l-Onor. Joe Mizzi qal li wara li diversi proġetti infrastrutturali li kienu jinsabu kważi wieqfa, qed jitmexxew ’il quddiem f’din il-leġiżlatura, għaddej ukoll il-proċess biex jitwaqqfu entitajiet regolatorji oħrajn importanti ħafna, bħall-Bord tal-Inġinerija.
Huwa qal dan meta fil-ġranet li għaddew, iltaqa’ għall-ewwel darba l-Bord il-ġdid tal-Inġiniera fi ħdan il-Ministeru. Dan il-Bord se jaħdem mill-qrib mhux biss ma’ dawk li japplikaw biex jieħdu l-warrant, iżda ma’ numru ta’ stakeholders oħra bħal istituzzjonijiet edukattivi, awtoritajiet regolatorji, istituzzjonijiet konsultattivi, intraprenditorjali u oħrajn.
Il-Ministru qal li ftit wara l-bidu ta’ din il-leġislatura, huwa ltaqa’ mal-Kunsill Eżekuttiv tal-Kamra tal-Inġiniera fejn ġew espressi diversi ħsibijiet fuq kif din il-professjoni tista’ titmexxa ’l quddiem.
Fost l-oħrajn, il-Kamra esprimiet il-ħtieġa li l-Att dwar il-professjoni għandu jiġi aġġornat u li għandu jkun hemm aktar parteċipazzjoni bejn il-Kamra u l-Bord tal-Inġinerija li jaqa’ taħt id-dekasteru tiegħu.
Il-Ministru żied jgħid li se jagħti l-appoġġ kollu li jkun hemm bżonn biex fl-iqsar żmien, il-Kamra tkun tista’ tipparteċipa aktar mill-qrib mal-Bord u għalhekk, il-Bord jaqdi dmirijietu b’mod iżjed effiċjenti. Huwa qal li dan il-Bord se jaħdem biex jgħolli l-livell tal-operat tal-professjoni f'Malta u biex l-Inġiniera jkunu jistgħu jagħtu servizz tal-ogħla livell lis-soċjetà Maltija.
Żied jgħid ukoll li hemm diversi sfidi li dan il-bord se jaħdem fuqhom. Il-Bord se jkollu l-għajnuna kollha meħtieġa biex ikun jista’ jaqdi dmirijietu u jopera skont il-provvedimenti tal-liġi li bis-saħħa tagħha ġie mwaqqaf.
Huwa awgura lid-Deputat Ċermen, li se jkun qed imexxi dan il-Bord, lill-membri ġodda u lill-membri li ġew eletti minn fost il-warrant holders aktar kmieni din is-sena, kull suċċess fil-ħidma tagħhom.
Dan il-Bord se jkun immexxi mill-Inġinier Saviour Baldacchino u bħala membri se jkollu lil Ray Fava bħala Segretarju u lill-Inġiniera Charles Buttigieg, Tony Cachia, Andrew Caruana, Lycia Mallia, Joe Micallef u Mary G Micallef.
Other Press Releases:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031