STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT U L-INFRASTRUTTURA
Sospensjoni tal-Bendy Buses
Fis-sigħat li għaddew il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura l-Onor. Joe Mizzi flimkien maċ-Chairman ta’ Transport Malta kellhom laqgħa b’urġenza mal-management tal-Arriva. L-Arriva kienu infurmati illi sal-lejla s-servizz bil-bendy buses għandu jkun sospiż. L-Arriva qablet ma’ dan.
Sar qbil ukoll illi sabiex tkun assigurata s-sigurtà neċessarja titqabbad istituzzjoni rikonoxxuta internazzjonalment, indipendenti mill-Arriva u Transport Malta, sabiex fi żmien propizju tagħmel iċ-ċertifikazzjonijiet kollha meħtieġa fuq il-bendy buses indipendentament minn ċertifikazzjonijiet oħrajn li l-Arriva hija mitluba li tkompli tagħmel.
Sadanittant l-investigazzjonijiet minn kummissjoni ta’ esperti indipendenti hekk kif imħabbra mill-Ministru se jitkomplew.
Fis-sigħat li ġejjin il-Ministeru u Transport Malta se jkomplu għaddejin bit-taħdidiet kemm mal-Arriva kif ukoll ma’ operaturi fis-settur sabiex tinstab soluzzjoni adegwata li tnaqqas mill-inkonvenjent li jista’ jinħoloq fis-servizz minħabba s-sospensjoni tas-servizz tal-bendy buses.
Stqarrijiet Oħra:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031