STQARRIJA MIS-SUPRINTENDENT TAS-SAĦĦA PUBBLIKA
It-Tilqim bil-Vaċċin tal-MMR
Wara li l-mezzi tax-xandir xandru verdetti ta’ qrati barranin dwar il-vaċċin tal-MMR, reġgħu tqanqlu ħafna mistoqsijiet u dubji dwar is-sigurtà ta’ dan il-vaċċin. Is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika jinforma lill-pubbliku li dawn il-verdetti kienu bbażati fuq studju ppubblikat fil-ġurnal mediku Lancet fl-1998. Dan l-istudju kien wieħed xjentifikament skorrett u ffrodat tant li l-ġurnal stess irtiraħ ftit wara l-publikazzjoni tiegħu, filwaqt li l-Kunsill Mediku Ingliż neħħa l-warrant tal-awtur tiegħu minħabba diżonesta u aġir kontra l-interess tat-tfal.
Minn dak iż-żmien sal-lum saru ħafna studji dwar il-vaċċin tal-MMR u ma nstabet ebda rabta bejn il-vaċċin tal-MMR u l-awtiżmu. Ma nstab li hemm ebda evidenza xjentifika li l-vaċċin tal-MMR jikkawża l-awtiżmu. L-awtoritajiet tas-saħħa madwar id-dinja u l-għaqdiet intenazzjonali, fosthom l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u ċ-ċentri għall-prevenzjoni tal-mard tal-Ewropa u tal-Amerika, jikkonfermaw dan u jirrakkomandaw b’mod qawwi t-tilqim tat-tfal b’dan il-vaċċin.
Is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika jfakkar li l-Ħożba, l-Ħożba Ġermaniża u l-Gattone, it-tlett mardiet li jilqa’ kontra tagħhom dan il-vaċċin, kollha jista’ jkollhom konsgwenzi serji li jwasslu għal diżabiltajiet permanenti jew saħansitra mewt.
Għalhekk it-tilqima tal-MMR għandha tibqa’ tingħata lit-tfal kollha fl-età ta’ 13-il xahar u bejn tlett u erba’ snin.
Deċiżjoni li ma tlaqqamx lit-tarbija ma tkunx deċiżjoni fl-interess tat-tarbija.
Stqarrijiet Oħra:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031