Left arrow Mur Lura

LEJN L-EKONOMIJA KREATTIVA

pr1778
Date Icon 26/08/2013

Dalgħodu s-Segretarju Parlamentari responsabli mill-Kultura u l-Kunsilli Lokali Josè Herrera ħabbar li fiż-żmien li ġej ser ikun qed iressaq abbozz ta’ liġi biex nistimlaw il-kunċett tal-ekonomija kreattiva. Permezz ta’ dan l-abbozz l-Gvern ser ikun qed jara li l-kultura f’pajjiżna sservi ukoll mezz ta’ kif nistgħu noħolqu l-impjiegi u niġġeneraw l-impjiegi. Huwa qal dan meta kien qed iniedi uffiċċjalment il-Konferenza The Revival of Old Towns and Cities (Il-Qawmien Mill-Ġdid ta’ Bliet Antiki). Din il-Konferenza ser tinżamm fl-Isla bejn it-12 u l-15 ta’ Settembru, fl-istess jiem li f’din il-belt se tkun qed tiġi organizzata l-ħames edizzjoni tal-Maritime Senglea Intenrational Festival (Festival Internazzjonali Senglea Marittima).

Huwa faħħar dawn l-isforzi li qed isiru biex jirriġineraw l-inħawi tal-Port il-Kbir. Is-Segretarju Parlamentari faħħar ix-xogħol li qed jagħmlu l-Kunsilli Lokali f’pajjiżna, li tul l-20 sena ta’ eżistenza tagħhom taw spinta lill-attivitajiet kulturali fil-lokalitajiet tagħna.

The Revival of Old Towns and Cities
Il-belt tal-Isla, magħrufa Senglea, qed tmexxi tliet bliet oħra sħab magħha f’dan il-proġett. Dawn huma Fara San Martino, mill-Italja; Daugavpils, mil-Latvja; u Zarasai, mil-Litwanja. F’diskors li għamel waqt it-tnedija, Dott. Herrera qal li dan il-proġett joffri okkażjoni unika biex iqarreb lejn xulxin bliet b’esperjenzi komuni u li jgħaqqduhom – f’dan il-każ il-bombardamenti li sofrew l-erba’ lokalitajiet parteċipanti, matul it-Tieni Gwerra Dinjija, u l-effetti li dawn l-attakki ħallew fuqhom.

“Se jkun diskuss mhux biss l-effett ta’ dawn il-bombardamenti fuq l-arkitettura f’dawn il-bliet, iżda wkoll iċ-ċaqlieq tal-popolazzjoni f’dan il-perjodu, il-migrazzjoni li seħħet kaġun tagħhom, u l-isforzi li saru biex jiġu salvati, mħarsa u preservati teżori u relikwji ta’ dawn il-komunitajiet, li jirriflettu l-identità individwali tagħhom,” qal Dott Herrera.

“Din il-konferenza internazzjonali, li se tattira delegati minn madwar l-Ewropa, fosthom minn Malta, ħabtet mal-edizzjoni tal-2013 tal-Maritime Senglea International Festival, li grazzi għal ħidmet il-Kunsill Lokali tal-Isla, illum stabilixxa ruħu bħala avveniment annwali, li kull sena qed narawh jikber fl-istatura u l-importanza tiegħu.”
Is-Sur Justin J. Camilleri, Sindku tal-Isla tkellem dwar ix-xogħol tal-Kunsill tiegħu biex irnexxielu jkun l-isħab ewlieni f’dan il-proġett li jilħaq it-tramuntana u n-nofsinhar tal-Ewropa, u li hu finanzjat bis-sapport tal-Kummissjoni Ewropea permezz tal-Programm Ewropa għaċ-Ċittadini, kif ukoll mill-Gvern Malti.

Waqt li l-Isla hi promontorju b’xatt iħares fuq il-Port il-Kbir fil-Baħar Mediterran, it-tliet bliet l-oħra huma kollha mdawra bl-art: Fara San Martino tinsab fil-provinċja ta’ Chieti fir-Reġjun ta’ Abruzzo; Daugavpils, hi belt fix-Xlokk tal-Latvja fuq xatt ix-xmara Daugava; u  Zarasai, hi belt fil-Grigal tal-Litwanja mdawra b’ħafna għadajjar u xmajjar.
Hawnhekk is-Sur Joe Scerri, Direttur tal-Proġett ‘Il-Qawmien Mill-Ġdid ta’ Bliet Antiki’ għall-Isla, ta dettalji dwar il-Konferenza u l-Maritime Senglea International Festival.

Il-Maritime Senglea International Festival qed jiġi organizzat taħt l-awspiċi tal-European Destinations of Excellence and Aquatic Tourism Eden 2010. Il-festival rċieva wkoll is-sapport tal-Programm Ewropa għaċ-Ċittadini tal- Kummissjoni Ewropea, il-MEUSAC, is-Segretarjat Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, u diversi ażjendi kummerċjali, fosthom Artsphere International, Bank of Valletta plc, Coca-Cola, Palumbo Shipyard and Superyacht Facilities, Malta Maritime Pilots, Villa del Porto, John Ripard & Son (Shipping) Ltd, Green MT, Grand Harbour Marina, Emmanuel Delicata Winemakers u Sullivan Maritime.
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb permezz tat-telefon (numri: 2166 2424 / 2701 3004)  jew minn fuq is-sit www.maritimesenglea.com.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Il-Ministru Chris Fearne jindirizza t-18-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta

PR262031

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...

Aktar Stqarrijiet Right arrow