STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ NAZZJONALI
L-Oppożizzjoni tippprova tfixkel investigazzjoni indipendenti
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi qed jipprova jxekkel investigazzjoni indipendenti tal-bord tal-Pulizija dwar il-każ tal-identità żbaljata li wasslet għall-arrest ta’ Darryl Luke Borg.
Mill-affidavit li ġie ppreżentat, jiġi kkonfermat li ħadd mill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali ma kkuntattja lil Darryl Luke Borg. Tant hu minnu li l-affidavit jgħid li kienet terza persuna li m’għandha x’taqsam xejn mal-Ministeru li kellmet liż-żagħżugħ biex imur “ikellem lil xi ħadd”.
Dan il-fatt waħdu jgiddeb lil Jason Azzopardi li bħal-lum ġimgħa ta’ x’jifhem mod ieħor.
Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali jerġa’ jtenni li m’għamel ebda kuntatt, imma li fl-istess waqt kien fi dmir li jisma’, lill-vittma ta’ din is-sitwazzjoni u jidderiġija għal quddiem l-investigazzjoni tal-Police Board. Fil-fatt, l-affidavit jikkwota lill-omm tgħid “Is-Sur Silvio Scerri qalli li kelli opportunità tad-deheb li dak li kont qed ngħid lilu, ngħidu lill-Bord”.
L-Oppożizzjoni qed tipprova timmina l-investigazzjoni tal-Police Board bl-iktar mod sfaċċat.
Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali għandu fiduċja sħiħa fl-investigazzjoni li qed issir mill-eks Imħallef Franco Depasquale, li huwa l-istess persuna li kienet tmexxi l-Police Board għal dawn l-aħħar għaxar snin.
Għal ġieh il-korrettezza u t-trasparenza, jekk Jason Azzopardi jaħseb li għandu xi fatti ġodda dwar dan il-każ, flok jagħmel konferenza tal-aħbarijiet jersaq quddiem il-Police Board u jgħaddi dawn il-fatti.
Minn dak li ħareġ illum jikbru s-suspetti li Jason Azzopardi qed jipprova jiddefendi lil xi ħadd.
Stqarrijiet Oħra:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031