Left arrow Mur Lura

TAĦDIDIET BEJN MALTA U L-LIBJA GĦAL KOLLABORAZZJONI FIS-SETTUR TURISTIKU BL-GĦAJNUNA TAL-ISTITUT GĦALL-ISTUDJI TURISTIĊI

pr1769
Date Icon 23/08/2013

Il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella jiddeskrivi ż-żjara tal-Ministru għat-Turiżmu tal-Libja u tad-delegazzjoni Libjana bħala pożittiva ħafna.

Illum komplew l-impenji uffiċjali tal-Ministru għat-Turiżmu  tal-Libja Ikram Bash Imam u d-delegazzjoni Libjana li f’dawn il-jiem jinsabu fuq żjara f’Malta.

Akkumpanjata mill-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella u miċ-Chairman tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi Dr Ernest Azzopardi,  il-Ministru għat-Turiżmu tal-Libja żaret il-campus tal-ITS f’Għawdex fejn kellha wkoll taħdidiet uffiċjali mad-delegazzjoni Maltija fil-preżenza ta’ uffiċjali għolja mill-ITS.

F’kummenti lill-media fi tmiem żjara li d-delegazzjoni Libjana u dik Maltija għamlu aktar tard fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi f’San Ġiljan, il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella ddeskriva ż-żjara tad-delegazzjoni Libjana bħala waħda pożittiva ħafna. Semma’ kif f’dawn il-jumejn ta’ taħdidiet kienu identifikati bosta setturi li Malta u l-Libja jistgħu jikkollaboraw flimkien fis-settur turistiku fost l-oħrajn fil-qasam tat-taħriġ.

Il-Ministru Vella żied jgħid li ġaladarba jkun hemm qbil għal koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi, ikun f’idejn il-gvernijijet rispettivi biex iħajru lis-settur privat biex jaħdem.

Min-naħa tiegħu iċ-Chairman tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi Dr Ernest Azzopardi esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal-laqgħa li t-tmexxija tal-ITS kellha mal-Ministru għat-Turiżmu tal-Libja. Huwa semma’ kif in-naħa Libjana uriet ix-xewqa li l-ITS jipprovdi taħriġ ghal potential leadership fit-turizmu tal-Libja f’oqsma li jinkludu dak li jissejjaħ destination management, tourism leadership u decision making process, flimkien mal-iżvilupp tal-arti kulinarja.

Saru wkoll diskussjonijiet dwar metodi ta’ kif il-campus modern tal-ITS f’Għawdex ikun jista’ jintuża bħala post ta’ taħriġ għal ħafna nies li huma impjegati mal-Ministeru għat-Turiżmu Libjan.

Il-Ministru għat-Turiżmu tal-Libja Ikram Bash Imam iddeskriviet is-servizzi mogħtija f’Malta fis-settur turistiku bħala pilastru importanti fejn fi kliema pajjiżna huwa b’saħħtu fejn jidħol servizz li joffri lit-turist. Qalet li dan huwa kumplimentat mill-fatt li Malta hija mogħnija b’kultura rikka u għaldaqstant l-esperjenza li t-turist jirċievi hija waħda kompluta.

Hija saħqet li l-Libja se tkun qed tosserva mill-viċin dak li għamlet Malta fil-qasam turistiku biex eventwalment timbarka fuq programm ta’ taħriġ fil-livelli kollha inkluż dak tat-tagħlim tal-lingwi.

Il-Minsitru għat-Turiżmu tal-Libja mistennija tħalli Malta nhar it-Tnejn li ġej.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Il-Ministru Chris Fearne jindirizza t-18-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta

PR262031

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...

Aktar Stqarrijiet Right arrow