L-ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS JIFTAĦ IL-QORMI BUSINESS FORUM
Dalgħodu l-Onor. Edward Zammit Lewis nieda l-Qormi Business Forum, inizjattiva tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li se twassal għal tkabbir u tisħiħ ta’ kummerċ f’Ħal Qormi b’effett pożittiv fuq l-ekonomija u l-familji Maltin. Is-Segretarju Parlamentari spjega li dan il-Business Forum se jkun ħolqa importanti għan-negozji f’Ħal Qormi sabiex negozji jwasslu l-ħsibjiet tagħhom lill-aġenziji u l-awtoritajiet tal-gvern bil-għan li jisaħħaħ il-kummerċ f’din iż-żona.
L-Onor. Zammit Lewis laqa’ b’mod pożittiv il-pjan li l-Qormi Business Forum jorganizza studju ekonomiku li jirrigwarda l-attivitajiet kummerċjali f’Ħal Qormi u kif l-oqsma tradizzjonali ta' Ħal Qormi jistgħu jiġu żviluppati bħala attrazzjoni turistiċi.
Zammit Lewis spjega li inizjattiva pożittiva li beħsiebu jagħmel il-Qormi Business Forum huwa li jippromwovi snajja tradizzjonali u negozji ġodda biex jattira iżjed turisti u jżid il-kummerċ lejn Ħal Qormi. Din l-inizjattiva hija fl-istess ħsieb ta’ dan il-Gvern, għall-fatt li mira importani hija dik li bħala pajjiż niksbu tkabbir ekonomiku li jilħaq lil kulħadd. Dan kollu jista’ jsir biss jekk aħna bħala Gvern inħaddnu politika mmirata li ssaħħaħ u tkabbar setturi importanti primarjament dawk tan-negozji u self-employed.
Il-Qormi Business Forum jinkoraġġixxi n-negozji biex jiżviluppaw responsabbiltà korporattiva soċjali lejn familji f’Ħal Qormi fil-bżonn ta 'għajnuna. Filfatt dan il-Gvern kommess li jippromowvi t-twaqqif ta’ bank tal-koperattivi u banek speċjalizzati oħra biex propju jgħinu dawn it-tip ta’ inizjattivi. Il-Qormi Business Forum qed jimmira wkoll li jiġu organizzati seminars b'kollaborazzjoni mal-Malta Enterprise dwar inċentivi ta’ investiment u kif ukoll korsijiet tal-Ewwel Għajnuna għall-impjegati fi ħdan in-negozji joqogħdu f’Ħal Qormi.
“Inħeġġeġ lill-kumpaniji u s-sidien tan-negozji ta’ Ħal Qormi biex jipparteċipaw u jżommu ruħhom attivi f’dan il-Business Forum. Nagħmel appell lin-negozji wkoll sabiex jagħmlu l-aħjar użu mit-Teknoloġija tal-Informatika sabiex isiru aktar kompetittivi u jilħqu swieq ikbar. Sintendi hemm diversi opportunitajiet għall-membri li jkunu parti min dawn it-tip ta’ forums, opportunita ewlenija hija li l-membri jagħmlu iktar kuntatt ma’ membri oħra u jiġu eżaminati possibiltajiet ta’ partnerships u sabiex jiġu attirati iktar konsumaturi u kummerċ lejn dawn l-istess intrapriżi. Business Forums joffru opportunità lill-membri tagħhom li jgawdu ambjent fejn ikun possibbli li l-membri jitgħallmu mill-iżbalji u s-suċċessi ta' ħaddieħor.” saħaq l-Onor. Zammit Lewis.
L-Onor. Zammit Lewis awgura lis-Sindku Rosianne Cutajar, lill-kunsillier Sean Meli li qed jikkordina dan il-forum u lill-kunsilliera kollha tal-Kunsill ta’ Ħal Qormi sabiex ikomplu jieħdu inizjattivi pożittivi li jwasslu għal tkabbir ekonomiku li jilħaq lil kulħadd.
Stqarrijiet Oħra:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031