WIRJA AGRIKULTURALI F’GĦAWDEX
F’Jum Santa Marija Villa Rundle fil-Gżira Għawdxija kienet fl-aqwa tagħha mimlija bin-nies; raħħala u bdiewa, dilettanti u professjonisti lkoll jagħtu s-sehem tagħhom f’attività annwali li ssir f’dan il-ġnien. Attenda wkoll l-Eċċellenza tiegħu l-President ta’ Malta Dr. George Abela kif ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, Roderick Galdes u l-Ministru għal Għawdex Dr. Anton Refalo.
Ta’ kull sena ssir il-wirja annwali tal-biedja u s-snajja’ magħrufa wkoll bħala l-Wirja ta’ Santa Marija li ilha tiġi organizzata mis-Soċjetà Agrikola, kulturali u industrijali Għawdxija sa mill-1855. Bosta annimali, snajja’ u prodotti agrikoli jkunu għall-wiri; fil-fatt hija wirja li tiġbed ħafna nies u toħodna wkoll lura għat-tradizzjonijiet antiki li minħabba l-progress, bil-mod il-mod qed jinqatgħu. Għal dawn l-aħħar 66 sena din il-wirja ġiet organizzata fil-ġonna pubbliċi ta’ Villa Rundle fir-Rabat.
F’din il-wirja wieħed isib 13-il sezzjoni fejn fl-ewwel 4 sezzjonijiet jara annimali bħal żwiemel u nagħaġ u s-sezzjonijiet l-oħra jkunu jvarjaw minn tjur u prodotti relatati u anke artiġġjanat. Kull sezzjoni tkun iġġudikata minn esperti diversi u r-rebbiegħa jircievu trofej u anke premjijiet fi flus, jiddependi skont is-sezzjoni. Huwa ta’ unur għall-Għawdxin kollha li wirja daqstant imdaqqsa ssir kull sena fil-gżira tagħna fejn tiġbed madwar 10,000 ruħ li jiġu apposta biex jarawha. Madwar 4,000 esebiti jkunu qed jagħtu wirja spettakolari bħal din. Il-Ministru saħaq li dawn in-nies ħaqqhom kull tifħir mhux biss tax-xogħol li jieħdu biex jippreparaw għal attività kbira bħal din imma wkoll tal-kultivazzjoni ta’ dawn it-tradizzjonijiet li jkomplu jagħmlu lil Għawdxin uniċi.
Bħal dejjem, ma tonqosx ukoll xi ftit varjetà ta’ gruppi tal-folk li nsibu fil-gżira Għawdxija u li huma rinomati tant, flimkien mal-kant tradizzjonali tagħna l-Maltin; l-għana li jkompli jżewwaq l-atmosfera li wieħed igawdi f’din il-wirja mill-ifjen.
Ta’ min ifakkar li l-bdiewa f’Għawdex iqisu l-agrikoltura bħala s-sors ta’ dħul għall-għixien tagħhom apparti li jagħmlu xogħolhom b’imħabba u passjoni. Fl-istess ħin, bis-saħħa tagħhom jinżamm l-ambjent nadif li minnu jibbenefika kulħadd. Il-Ministeru t’Għawdex jieħu ħsieb li jgħin ukoll fil-bini ta’ ħitan tas-sejjiegħ imma mhux biss. Taħt l-iskema ‘Eko-Għawdex’ huwa ppjanat li din is-sena jitnaddfu l-ilqugħ tal-ilma li hemm f’Wied Barumbara limiti t’Għajnsielem u Wied l-Infern limiti ta’ Żebbug. L-ambjent huwa prijorità għall-Ministeru Għawdxi.
Mhux biss, il-Ministeru għandu wkoll l-intenzjoni li jsaħħaħ iċ-Ċentru tar-riċerka magħruf bħala l-‘farm’ tal-Gvern biex jingħata servizz dejjem aħjar lill-bdiewa u l-ambjent inġenerali. Bħalissa f’dan iċ-ċentru għaddejja riċerka fuq ‘soil solarisation’ u ‘bio-fumication’ dwar kif wieħed juża’ l-ħamrija fis-serer b’metodi naturali mingħajr ma juża kimika. Dan saħqu l-Ministru dalgħodu waqt li kien f’Villa Rundle.
Il-Ministru Refalo kompla jisħaq li dan ifisser li għalkemm żgħar fiċ-ċokon, Għawdex għandu sehem importanti immens fil-qasam agrikolu.
Idħol fuq dan is-sit biex tara filmati reltati ma din l-attività: https://cloudup.com/cDUIBNIAXkr
Other Press Releases:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031