TMIEN MILJUNI OĦRA GĦAJNUNA LILL-BDIEWA U RAĦĦALA
Is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikultura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, l-Onor. Roderick Galdes qed iħabbar l-għeluq tal-proċess tal-għażla tal-proġetti għall-miżura M121 – Immodernizzar ta’ Strutturi Agrikoli.
L-għan ta’ din il-miżura huwa li tittejjeb il-kompetittività tas-settur agrikolu. Din il-miżura tfittex li tiffaċilita lill-bdiewa Maltin biex jagħmlu investimenti fil-metodi ta’ produzzjoni li jippermettulhom li jonoraw id-domanda u l-kundizzjonijiet ġodda tas-suq. Permezz ta’ din il-miżura, il-bdiewa u r-raħħala qed jiġu appoġġjati biex jimmodernizzaw l-oqsma agrikoli u l-irziezet sabiex itejbu mhux biss il-prestazzjoni ekonomika tagħhom iżda wkoll l-ambjent, is-sigurtà okkupazzjonali, l-iġene u l-benesseri tal-annimali. Għas-setturi tal-bhejjem b’ mod partikolari, ir-ristrutturar u l-modernizzazzjoni huma essenzjali mhux biss biex itejbu l-maniġġ tar-razzett iżda wkoll biex itejbu l-effiċjenza u l-produttività tas-setturi filwaqt li jiksbu prodotti ta’ kwalità ogħla.
Bdiewa full-time, bdiewa part-time u intrapriżi agrikoli involuti fil-produzzjoni agrikola reġistrati f’Malta setgħu japplikaw għal din il-miżura. Benefiċjarju jista’ jirċievi sa ħamsin fil-mija tan-nefqa totali eliġibbli ta’ spiża fl-investiment propost, sa ammont massimu ta’ €150,000.
Il-fondi allokati għal din il-miżura kienu ta’ €4,000,000 li ġew imqassma skond is-setturi tal-produzzjoni agrikola. Ma’ dan l-ammont il-Gvern qed jistenna konferma uffiċjali mingħand il-Kummissjoni Ewropea dwar it-trasferiment ta’ 4 miljun ewro oħra fuq din il-miżura. Huwa previst li b’dan l-ammont ta’ fondi l-Gvern ikun jista’ jilħaq ħamsin fil-mija tad-domanda għall-għajnuna li ġiet sottomessa. Il-fondi ser jiġu allokati skond il-punteġġ miksub hekk kif ippublikat fir-riżultat finali.
Is-Segretarjat Parlamentari għall-Agrikultura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali jifhem il-ħtieġa li hemm f’dan is-settur sabiex jirristruttura u jkun kompetittiv. Għalhekk qiegħed fi proċess li jevalwa l-proġetti li qed jiġu implimentati taħt miżuri oħrajn, bil-għan li jiddetermina l-ammont ta’ fondi li ma ntefqux u jallokahom ukoll fuq din il-miżura. B’dan il-Gvern ikun qiegħed jimmassimizza l-użu tal-fondi fejn l-aktar li hemm bżonn.
Dan ifisser li wegħda elettorali oħra qiegħda titwettaq, dik li Gvern jagħti nifs ġdid lil dan is-settur sabiex ma jitħalliex jaqa' lura.
Stqarrijiet Oħra:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031