Left arrow Go Back

IL-GVERN MALTI JIXTIEQ JURI S-SOGĦBA TIEGĦU GĦAL DAK LI SEĦĦ ILLUM FIL-KAJR, U FI BLIET EĠIZZJANI OĦRA, FEJN GĦAL DARBA OĦRA KIEN HEMM TIXRID TA’ DEMM U MWIET TA’ ĊITTADINI PAJŻANA

pr1732
Date Icon 14/08/2013

Matul l-aħħar xhur u ġimgħat il-Gvern Malti kien qiegħed iżomm għajnejh miftuħin fuq dak li kien għaddej fl-Eġittu.

Il-Gvern jagħraf kif żviluppaw l-affarijiet fl-Eġittu, u x’inhuma l-pożizzjonijiet differenti ta’ dawk kollha li jgħamlu parti mis-sitwazzjoni politika li hemm illum.

Waqt laqgħat internazzjonali il-gvern kien diġà esprima t-tħassib tiegħu, u kkundanna kull użu ta’ vjolenza u forza bħala mezz biex jintlaħaq xi forma ta’ ftehim, filwaqt li ddefenda  id-dritt għal protesti paċifiċi bħala arma demokratika dejjem fir-rispett sħiħ tal-ħarsien ta l-interessi u tas-sigurtà nazzjonali.

Il-Gvern juri d-dispjaċir tiegħu li numru ta’ interventi diplomatiċi minn awtoritajiet u politiċi prominenti  biex tinstab soluzzjoni paċifika ma kellhomx ir-riżultat mixtieq, u li s-sitwazzjoni kompliet tiħrax, biż-żewġ naħat isiru aktar stinati fil-pożizzjoni tagħhom u anqas u anqas lesti li jsibu it-triq tal-kompromess.

Filwaqt li jwassal is-sens ta’ dispjaċir kbir tiegħu għal dawk kollha li sfaw imweġġgħin, feruti, u saħansitra maqtula, u jixtieq il-faraġ lill-qraba tagħhom kollha, il-Gvern Malti jappella għat-trażżin tal-forza eċċessiva, u jittama li terġa’ tirrenja l-kalma u tonqos il-vjolenza.

Il-Gvern Malti jemmen li s-soluzzjonijiet ma jinstabux bil-forza tal-armi, imma biss b’diskussjonijiet diplomatiċi, li fihom jieħdu sehem il-partijiet kollha involuti  bla ebda eċċezzjoni ta’ xejn.

Il-Gvern Malti jawgura li l-poplu ħabib Eġizzjan u l-Mexxejja tiegħu, ma jabbandunawx il-mixja tagħhom fit-triq li qadbu lejn id-demokrazija, fil-ħarsien tal-liġi, u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

F’isem il-poplu Malti, il-Gvern iwiegħed l-appoġġ sħiħ tiegħu biex jara n-nazzjon Eġizzjan jirbaħ lura l-paċi, is-sigurtà interna u t-tisħiħ ekonomiku li jwassluh biex mill-ġdid jerga’ jieħu postu bħala nazzjon importanti fid-Dinja Għarbija, fil-Lvant Nofsani, fir-reġjun tal-Mediterran, u fil-qasam tal-politika internazzjonali.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Il-Ministru Chris Fearne jindirizza t-18-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta

PR262031

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...

More Press Releases Right arrow