IS-SENA EWROPEA TAĊ-ĊITTADINI 2013 - ‘L-EWROPA FEJN SEJRA?’: L-EWWEL MINN SENSIELA TA’ DJALOGI TAĊ-ĊITTADINI ORGANIZZATI MILL-MEUSAC
“Iċ-ċittadini huma l-iktar element essenzjali tal-Unjoni Ewropea (UE) u għalkemm l-informazzjoni dwar id-drittijiet, id-dmirijiet u l-opportunitajiet huma importanti għaċ-ċittadini, aħna rridu nisimgħu l-opinjonijiet taċ-ċittadini nfushom. Jinteressana li mhux biss nisimgħu, imma wkoll inressqu fil-Parlament Ewropew (PE) dak li jippreokkupa liċ-ċittadini.”
Dan kien il-kliem tal-Membri Parlamentari Ewropej Maltin (MPE) Maltin, Claudette Abela Baldacchino, Roberta Metsola u Marlene Mizzi, li l-Ġimgħa 9 ta’ Awwissu filgħaxija, f’Għar id-Dud, f’Tas-Sliema, ħadu sehem fi djalogu taċ-ċittadini organizzat mill-MEUSAC. Dan id-djalogu taċ-ċittadini kien waħda mill-attivitajiet tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013, li tagħha l-MEUSAC huwa l-kordinatur nazzjonali. L-għan ta’ dan id-djalogu u oħrajn bħalu li ser isiru fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, hu li ċ-ċittadini jingħataw l-opportunità jagħtu l-veduti tagħhom dwar suġġetti marbuta mal-UE u maċ-ċittadinanza tal-UE.
Il-MPE waqt dan id-djalogu ġew mistoqsija kemm mill-ġurnalista tal-PBS Norma Saliba u kemm mill-pubbliku preżenti dwar temi attwali fl-UE fosthom: jekk għandux ikun hemm kwoti ħalli iktar nisa jkunu f’pożizzjonijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet u f’bordijiet ta’ tmexxija; l-importanza tal-kummerċ u l-koperazzjoni bejn l-UE u ekonomiji kbar oħra bħall-Amerka; il-logħob onlajn u l-bilanc bejn it-tkabbir tal-ekonomija u l-problemi soċjali marbuta ma’ dan il-logħob; is-sitwazzjoni tal-provista tal-enerġija u l-impatt fuq l-ambjent u d-direzzjoni biex jintlaħqu l-miri stabbiliti mill-UE sal-2020; l-enfasi ikbar li għandha ssir f’din is-Sena Ewropea dwar ix-xogħol u l-edukazzjoni; kif ukoll il-kwistjoni tal-immigrazzjoni irregolari u l-pożizzjonijiet u l-ħidma tal-MPE Maltin f’din is-sitwazzjoni.
Il-MPE taw ir-reazzjonijiet tagħhom għall-interventi tal-pubbliku, inkluż il-pożizzjonijiet tal-gruppi politiċi li huma jiffurmaw parti minnhom fil-Parlament Ewropew (l-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi u tal-Partit Popolari Ewropew). Huma tkellmu dwar x’qiegħed isir fil-PE bil-kontribut tagħhom dwar dawn is-suġġetti.
Fil-kuntest tal-immigrazzjoni irregolari, il-MPE ġew mistoqsija hux se terġa’ titqajjem il-kwistjoni tal-burden sharing fil-PE. Il-MPE qalu li għalkemm jikkritikaw lill-Kummissjoni Ewropea li mhix tagħmel biżżejjed f’din il-kwistjoni, huma l-Istati Membri li fl-aħħar mill-aħħar iridu jwettqu s-solidarjetà fil-prattika. Huma tkellmu dwar diversi aspetti ta’ din il-problema: x’qed isir dwar il-kriminalità organizzata fit-traffikar ta’ dawn il-persuni; is-solidarjetà ma’ pajjiżi bħal Malta u għaliex mhux qed tirnexxi r-rilokazzjoni b’mod speċjali meta f’Malta għandna l-aġenzija tal-UE għall-immigrazzjoni u l-ażil, l-EASO, li tista’ tagħmel iktar f’dan l-aspett; li jiġu ċċarati l-liġijiet internazzjonali għas-salvataġġ tal-persuni mill-baħar; l-importanza tas-solidarjetà li huwa prinċipju importanti tal-UE imma li għandu jitwettaq fil-prattika b’mod speċjali ma’ pajjiżi żgħar bħal Malta; is-soluzzjoni mhix faċli u għandha tkun ħolistika għax huwa faċli li naqgħu biss fuq l-aspetti emozzjonali u personali tal-problema. Huma qalu wkoll li għandu jkun hemm rispett min-naħa tal-UE għas-sentiment tal-poplu Malti li għandu sitwazzjoni partikolari bħala gżira li dawk li jispiċċaw fiha jingħalqu u ma jistgħux imorru fil-kontinent kif ġieb u laħaq.
Fl-aħħar nett il-MPE tkellmu dwar l-importanza u s-suċċess ta’ dan id-djalogu li kien opportunità tajba u f’waqtha biex iċ-ċittadini jsemmgħu leħinhom u mhux biss biex ikunu jafu x’qegħdin jagħmlu l-MPE.
Id-djalogu li jmiss ser isir nhar il-Ġimgħa, 23 ta’ Awwissu f’Marsalforn u ser ikollu bħala tema, ‘L-Ewropa li rrid ngħix fiha’. Din l-attività u djalogi pubbliċi oħra li se jsiru fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin qed isiru b’fondi tal-UE taħt il-Management Partnership bejn il-MEUSAC u l-Kummissjoni Ewropea. Il-MEUSAC hu l-Kordinatur Nazzjonali tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013.
Other Press Releases:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031