Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ĠUSTIZZJA - Il-Gvern jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn u l-parteċipazzjoni tal-Ġudikatura fir-riforma fil-Qasam tal-Ġustizzja

pr1709
Date Icon 10/08/2013

Il-Gvern  laqa’ b’sodisfazzjon kbir l-impenn muri mill-Ġudikatura li permezz ta’ rapport,  li hu wieħed storiku fix-xorta tiegħu, ikkontribwixxiet attivament b’ideat, suggerimenti u kritika dwar riforma ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja.  

Ir-rapport jiġbor fih il-fehmiet kollettivi tal-Imħallfin u l-Maġistrati ta’ Malta dwar il-proposti li inġabru fl-ewwel dokument għad-diskussjoni tal-Kummissjoni għal Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja, mmexxija mill-Imħallef Emeritu Dottor Giovanni Bonello li ġie pprezentat lill-Gvern fl-aħħar ta’ Mejju li għadda.

B’mod partikolari l-Gvern laqa’ b’mod pozittiv il-fatt li l-ġudikatura stess qablet ma’ prinċipju mill-iktar importanti u ċioe’ li wasal iz-zmien li jissaħħu l-mekkanizmi li bihom jistgħu jiġu amministrati sanzjonijiet meta ġudikant ma jaġixxix kif inhu mistenni minnu.  

Waqt li wieħed jifhem li jrid iħares b’iktar reqqa lejn id-dettalji ta’ kif dan il-prinċipju għandu jiġi implimentat f’rispett lejn is-sisien tal-Kostituzzjoni tagħna, il-Gvern jemmen li dan il-qbil fuq il-prinċipju se jwassal biex tikber il-kontabbilita’ mill-ġudikanti lejn il-pubbliku in ġenerali u r-rispett mill-pubbliku lejn il-ġudikanti.

Il-Gvern laqa’ wkoll b’sodisfazzjon l-impenn espress tal-ġudikatura li tilqa’ ideat u proposti li jwasslu biex il-kawżi jinqatgħu fi zmien raġonevoli.  Fl-istess nifs il-Gvern wera apprezzament li l-Ġudikatura qed tħejji t-tieni rapport tagħha dwar il-proposti li nġabru fit-tieni dokument għad-diskussjoni tal-Kummissjoni ghal Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja li ġie ppreżentat lill-Gvern fl-aħħar ta’ Lulju li għadda.

Kopja f’forma ta’ ktejjeb taż-żewġ dokumenti tal-Kummissjoni għal Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja ġew distribwiti mis-Segretarjat Parlamentari għall-Ġustizzja lill-Ġudikatura u l-organi Kostituzzjonali prinċipali f’temp ta’ ftit sieghat minn mindu dawn ġew mogħtija lis-Segretarju Parlamentari f’konferenzi stampa li ssejħu apposta.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Il-Ministru Chris Fearne jindirizza t-18-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta

PR262031

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Is-saħħa mentali u l-benesseri fil-qalba tal-edukazzjoni – Il-Ministru Byron Camilleri jindirizza l-konferenza nazzjonali EduVoices 2026

PR262030

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...

Aktar Stqarrijiet Right arrow