STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ĠUSTIZZJA - Il-Gvern jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn u l-parteċipazzjoni tal-Ġudikatura fir-riforma fil-Qasam tal-Ġustizzja
Il-Gvern laqa’ b’sodisfazzjon kbir l-impenn muri mill-Ġudikatura li permezz ta’ rapport, li hu wieħed storiku fix-xorta tiegħu, ikkontribwixxiet attivament b’ideat, suggerimenti u kritika dwar riforma ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja.
Ir-rapport jiġbor fih il-fehmiet kollettivi tal-Imħallfin u l-Maġistrati ta’ Malta dwar il-proposti li inġabru fl-ewwel dokument għad-diskussjoni tal-Kummissjoni għal Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja, mmexxija mill-Imħallef Emeritu Dottor Giovanni Bonello li ġie pprezentat lill-Gvern fl-aħħar ta’ Mejju li għadda.
B’mod partikolari l-Gvern laqa’ b’mod pozittiv il-fatt li l-ġudikatura stess qablet ma’ prinċipju mill-iktar importanti u ċioe’ li wasal iz-zmien li jissaħħu l-mekkanizmi li bihom jistgħu jiġu amministrati sanzjonijiet meta ġudikant ma jaġixxix kif inhu mistenni minnu.
Waqt li wieħed jifhem li jrid iħares b’iktar reqqa lejn id-dettalji ta’ kif dan il-prinċipju għandu jiġi implimentat f’rispett lejn is-sisien tal-Kostituzzjoni tagħna, il-Gvern jemmen li dan il-qbil fuq il-prinċipju se jwassal biex tikber il-kontabbilita’ mill-ġudikanti lejn il-pubbliku in ġenerali u r-rispett mill-pubbliku lejn il-ġudikanti.
Il-Gvern laqa’ wkoll b’sodisfazzjon l-impenn espress tal-ġudikatura li tilqa’ ideat u proposti li jwasslu biex il-kawżi jinqatgħu fi zmien raġonevoli. Fl-istess nifs il-Gvern wera apprezzament li l-Ġudikatura qed tħejji t-tieni rapport tagħha dwar il-proposti li nġabru fit-tieni dokument għad-diskussjoni tal-Kummissjoni ghal Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja li ġie ppreżentat lill-Gvern fl-aħħar ta’ Lulju li għadda.
Kopja f’forma ta’ ktejjeb taż-żewġ dokumenti tal-Kummissjoni għal Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja ġew distribwiti mis-Segretarjat Parlamentari għall-Ġustizzja lill-Ġudikatura u l-organi Kostituzzjonali prinċipali f’temp ta’ ftit sieghat minn mindu dawn ġew mogħtija lis-Segretarju Parlamentari f’konferenzi stampa li ssejħu apposta.
Other Press Releases:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031