IMNIEDI PROĊESS TA’ KONSULTAZZJONI PUBBLIKA DWAR IS-SAĦĦA U S-SIGURTA` TAĊ-ĊENTRI GĦAL-LOGĦOB TAT-TFAL FUQ ĠEWWA
Il-Gvern nieda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar standards li se jkunu introdotti biex jitħarsu s-saħħa u s-sigurtà f’ċentri għal-logħob tat-tfal fuq ġewwa.
Fuq talba tal-Kummissarju għat-Tfal, l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur fasslet abbozz ta’ standard li għandu jservi ta’ gwida kemm għal min jopera dawn iċ-ċentri, kif ukoll għal min jagħhmel użu minnhom.
Ic-Chairperson tal-Awtorità, is-Sur Marcel Pizzuto, qal lil-Awtorità ħasset il-ħtieġa li tkun katalista f’dan il-qasam in vista tal-popolarità dejjem tiżdied ta’ dawn iċ-ċentri.
Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dott. Helena Dalli, qalet li s-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi kollha, b’mod partikolari tal-konsumaturi żgħar fl-età u li jkunu għadhom m’humiex konxji tal-perikli, għandhom jingħataw attenzjoni massima.
Hi qalet li l-proċess ta’ konsultazzjoni huwa immirat biex il-Gvern jisma’ lill-partijiet kollha konċernati, b’mod partikolari lill-ġenituri u lil dawk li investew u joperaw dawn iċ-ċentri.
Dott. Dalli qalet li l-istandards waħedhom m’humiex se jiggarantixxu s-saħħa u s-sigurtà tal-persuni li jużaw dawn il-faċilitajiet. Għaldaqstant hemm bżonn li bħala soċjetà mmorru lil hinn minn hekk u niżguraw li dawn il-linji gwida jsiru obbligatorji skont il-liġi, u li ovvjament ikunu inforzati.
Minn naħa tagħha, l-Kummissarju għat-Tfal, is-Sa Helen D’Amato, qalet li huwa importanti li jiġi mħares id-dritt tat-tfal li jgawdu minn faċilitajiet fejn huma jistgħu jirrikreaw ruħhom u li dan jagħmluh f’postijiet li joffru ambjent sigur. Hija rringrazzjat lit-tim tekniku li ħadem biex jitfasslu dawn il-linji gwida u ħeġġet lil kulħadd biex jipparteċipa f’dan il-proċess biex la darba dan jintemm, dawn l-istandards ikunu jistgħu jiġu fis-seħħ permezz ta’ mekkaniżmu legali.
Id-dokument għall-konsultazzjoni pubblika jista’ jinkiseb mis-sit uffiċċjali tal-Awtorità http://www.mccaa.org.mt/en/development-of-standards. Il-konsultazzjoni hija miftuħa sa l-aħħar ta’ Settembru 2013.
Other Press Releases:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031