JASAL LURA L-EWWEL GRUPP TA’ ŻGĦAŻAGĦ MILL-BRAŻIL WARA LI ATTENDEW GĦALL-JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ MAL-PAPA F’RIO DE JANEIRO
Illum wara nofsinhar wasal lura l-ewwel grupp tal-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ (KDŻ) li ħa sehem fil-laqgħa ma’ Papa Frangisku fl-okkażjoni ta’ Jum Dinji taż-Żgħażagħ li saret f’Rio de Janeiro il-Brażil. Huma ġew milqugħin l-ajruport mis-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Stefan Buontempo, fejn ferħilhom għal din l-esperjenza li għamlu ma’ żgħażagħ oħra fil-Brażil.
B’kollox madwar 80 żgħażugħ u żgħażugħa marru l-Brażil biex jgħixu esperjenza ta’ fidi, talb u ċelebrazzjoni. Dawn iż-żgħażagħ ingħaqdu ma’ ‘l fuq minn tlett miljun żgħażagħ oħra fit-tieni l-akbar belt tal-Brażil. L-ispirtu żgħażugħ li wera dan il-grupp Malti huwa xhieda ta’ kemm iż-żgħażagħ Maltin għandhom ħafna x’joffru lil pajjiżna. Dawn iż-żgħażagħ kienu mistiedna wkoll jagħmlu sensiela ta’ katekeżi lil żgħażagħ oħra flimkien mal-Vigarju Ġenerali Mons. Charles Scicluna.
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo meta tkellem ma’ wħud minnhom qal li dan l-ispirtu ħaj taż-żgħażagħ irridu nkomplu ninkoraġġuh u rridu wkoll nkomplu noħorġu t-tajjeb li jagħmlu żgħażagħ tagħna fis-soċjetà.
Other Press Releases:
PR262031
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...
PR262030