STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT U L-INFRASTRUTTURA
Ix-xogħol fuq il-proġett ta’ Bormla miexi skont il-pjanijiet
Il-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura jiċħad li t-toroq li qegħdin isiru bħala parti mill-proġett tal-Baċir Numru Wieħed f’Bormla qed jinqalgħu mill-ġdid jew li l-proġett reġa’ waqaf minħabba xi ħsarat jew intoppi.
Din hija assolutament gidba li dehret dalgħodu permezz ta’ ritratt ippubblikat fuq “In-Nazzjon”, bħala sforz miskin biex tingħata l-impressjoni li l-Gvern preżenti qed ikompli jkaxkar saqajh f’dan il-proġett, l-istess bħalma għamel il-Gvern preċedenti ma’ dawk ir-residenti kollha tal-Kottonera, li ilhom snin twal jiġu mwegħda dan il-proġett.
Il-verità hija li l-proġett miexi kont il-pjanijiet miftiehma u xiehda ta’ dan huma l-ħaddiema li qed jaħdmu fuq il-proġett minn filgħodu sa filgħaxija kuljum biex ix-xogħol jitlesta fiż-żmien. Il-pubbliku jista’ jara dan kollu b’għajnejh jekk iżur ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa b’ritmu tajjeb ħafna.
B’referenza għar-ritratt ippubblikat, li ċċirkola wkoll fuq siti soċjali fuq l-internet, it-terrapien li jidher huwa parti mill-mod ta’ kif isiru x-xogħlijiet infrastrutturali qabel jingħata l-aħħar saff ta’ tarmak għal wiċċ it-triq.
Minħabba din il-fażi ta’ xogħol, ikun jeħtieġ li jsiru alterazzjonijiet fl-infrastruttura eżistenti, bħal tappieri u spralli, fost oħrajn. Dan isir ukoll biex il-wiċċ tat-triq jiġi fl-istess livell ma’ dak tat-toroq tal-ġnub.
Il-Ministru jista’ jikkonferma li x-xogħol li sar bejn ilbieraħ u llum hija prattika normali tax-xogħol u jirrijafferma li assolutament mhux minnu li t-toroq se jinqalgħu mill-ġdid.
Stqarrijiet Oħra:
PR262031
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...
PR262030