GĦAL ARJA AKTAR SAFJA – KAMPANJA BI TĦEJJIJA GĦAL CAR FREE DAY
Waqt żjara ta’ kortesija li l-Ambaxxatur Ġermaniż għall-Malta Klaus-Peter Brandes għamel lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima Leo Brincat tħabbar li tul ix-xahar ta’ Settembru ser tittella’ kampanja informattiva favur arja aktar nadifa u dan bi preparazzjoni għall-Car Free Day li din is-sena se ssir il-Ħadd 22 ta’ Settembru.
Il-Ministru Leo Brincat qal ukoll li filwaqt li Malta hija ħerqana li jsaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha fil-qasam ambjentali mal-Gvern Ġermaniż, b’mod partikulari fejn tidħol arja nadifa, żied jgħid li dan il-Gvern għandu quddiemu tliet fatturi ewlenin li qed jimbuttawh f’din id-direzzjoni.
L-ewwel il-fatt li dan il-qasam huwa fost l-aktar li jħasseb liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Il-fatt li din is-sena hija s-sena Ewropea ddedikata lill-arja u l-fatt li dan il-Gvern għandu l-mandat elettorali biex isaħħaħ l-isforzi ta’ pajjiżna f’dan il-qasam.
Il-Ministru Brincat qal li l-kwistjoni tal-kwalità tal-arja telgħet ’il fuq ġmielha fl-aġenda tal-Ministri Ewropej tal-Ambjent. Dan fl-istess waqt li qed tiġi mbuttata b’mod qawwi d-direttiva ambjentali biex din tisaħħaħ, ħalli mhux biss titjieb il-kwalità tal-arja iżda wkoll ikun hemm ħarsien aktar effettiv fil-qasam tas-saħħa ambjentali.
Qal li jinsab konfortat mill-fatt li għal dan kollu hemm ukoll l-appoġġ ta’ għadd ta’ xjentisti madwar l-Ewropa.
Il-Ministru Brincat qal li huwa importanti li pajjiżna jgħaddi mill-istadju li nidentifikaw biss il-problemi u l-effetti negattivi f’dan il-qasam għal fażi fejn ngħaddu biex ikollna l-mezzi li nindirizzawhom b’mod effettiv.
Huwa awgura li jkun hemm kooperazzjoni wiesgħa mal-Ġermanja f’oqsma oħra ewlenin bħat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli. Semma kif il-Ġermanja għandha strutturi effettivi ħafna f’dawn l-oqsma u oħrajn marbutin mas-settur ambjentali fosthom l-Aġenzija tal-Ambjent Federali Ġermaniża.
Stqarrijiet Oħra:
PR262031
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...
PR262030