STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ NAZZJONALI
Inawgurati għaxar karozzi ġodda għall-Protezzjoni Ċivili. Bżonn ta’ investiment ta’ madwar
€8 miljun biex tinbidel il-flotta tal-emerġenza
Illum kienu inawgurati għaxar karozzi ġodda li jintużaw mill-istation officers li jaslu l-ewwel fuq il-post ta’ emerġenza u jkunu huma li permess tal-control room jinfurmaw x’makkinarju jkun hemm bżonn li jintbagħat fuq il-post tal-emerġenza. Wara l-inawgurazzjoni, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Dr Manuel Mallia qal li il-Protezzjoni Ċivili għandha bżonn imminenti li tibdel il-flotta tal-Emerġenza li b’kollox tammonta għal madwar 50 vettura bi spiża ta’ madwar €8 miljun, barra apparat ieħor. L-aħħar vetturi għall-Protezzjoni Ċivili nxtraw fis-sena 1998. Għalhekk il-ġimgħa li għaddiet id-Dipartiment beda bi proċess biex jibdel dawn il-vetturi u ħareġ l-ewwel sejħa tat-tenders għax-xiri ta’ fire-engine magħrufa aħjar bħala all terrain vehicle. Dan il-proċess ta’ xiri ta’ vetturi huwa mistenni li jkompli fix-xhur li ġejjin. Il-Ministru Mallia ħabbar ukoll li l-ġimgħa d-dieħla mistennija jaslu għaxart iklieb li jgħinu fix-xoghol tal-Protezzjoni Ċivili u fil-qbid tad-drogi. “Waħda mill-proposti fil-manifest elettorali kien propju li nsaħħu r-riżorsi tant meħtiega fil-Protezzjoni Ċivili u dan ix-xogħol beda minnufih billi nassesjaw is-sitwazzjoni preżenti u naġixxu mill-ewwel dwar dak li jrid isir. Ma rridux inħallu l-apparat li l-Protezzjoni Ċivili għandha bżonn, jiddeterjora kif seħħ fil-passat, biex issa għandna bżonn nagħmlu spiża kollha f’daqqa”, tenna il-Ministru. Id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili s-Sur John Rizzo qabel mal-Ministru li jeħtieg li jsir investiment minnufih għax dan id-Dipartiment kien intesa fis-snin li għaddew.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali qal ukoll li l-gvern hu kommess li jagħti status indaqs lill-ħaddiema kollha li jaħdmu mal-Protezzjoni Ċivili fejn jiġi assigurat li ma jitnaqqsux il-kundizzjonijet tal-ebda ħaddiem.
Other Press Releases:
PR262031
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...
PR262030