KOLLOX LEST GĦALL-KUNĊERT TAT-TENUR JOSEPH CALLEJA
Il-Prim Ministru Joseph Muscat żar l-aħħar preparamenti li qed isiru fuq il-Fosos tal-Floriana għal kunċert ieħor mużikali li t-tenur Malti Joseph Calleja se jagħti għada l-Ħamis mit-tmienja u nofs ta’ filgħaxija ’l quddiem. Dan l-avveniment mistenni joffri divertiment u spettaklu tal-ogħla livell billi jgħaqqad il-mużika klassika ma’ ħafna elementi tal-mużika pop. Fuq inizjattiva tal-Gvern, li jidħol għal parti mill-finanzjament tal-kunċert, b’differenza mis-snin preċedenti, il-pubbliku se jkun jista’ jattendi fiż-żona ġenerali mingħajr ħlas.
Il-Prim Ministru ntlaqa’ mit-tenur ta’ fama internazzjonali Joseph Calleja u ddawwar madwar il-post li se jkun fiċ-ċentru tal-attività kollha. Fosthom żar il-backstage, il-palk fejn kienu qed isiru l-aħħar rehearsals u ż-żona fuq il-Fosos tal-Floriana fejn eluf ta’ Maltin u barranin mistennija jinġabru biex isegwu dan il-kunċert. Dr. Muscat awgura lil Joseph Calleja l-isbaħ xewqat għal din l-attività li għandha tkun suċċess ieħor fil-kullana tas-suċċessi li kiseb kemm f’pajjiżna kif ukoll lil hinn minn xtutna. Minn naħa tiegħu t-tenur Malti esprima l-apprezzament tiegħu għaż-żjara tal-Prim Ministru lejliet l-avveniment kif ukoll għall-appoġġ tal-Gvern biex dan il-kunċert ikun miftuħ bla ħlas għall-pubbliku ġenerali.
Filwaqt li tkellem mal-ħaddiema kollha li qed jibnu l-faċilitajiet kollha loġistiċi, inkluż dawk awdjo-viżivi, il-Prim Ministru ltaqa’ wkoll maċ-chairman tal-Orkestra Nazzjonali, il-Maestro Sigmund Mifsud, u mad-duo lokali Tenishia li se jkunu wkoll qed jagħtu s-sehem tagħhom fl-ispettaklu mużikali.
Mat-tenur Malti se jkantaw ukoll il-kantant Taljan Zucchero, il-kantanta Ingliża Rebecca Ferguson u l-artist lokali Gianluca kif ukoll il-kor ta’ mitejn tifel u tifla, bil-vuċijiet tagħhom, ta’ kull sena jaffaxxinaw lil dawk kollha preżenti għall-kunċert ta’ Joseph Calleja. L-attività se tittella’ mill-NnG Promotions, bl-isponsor uffiċjali jkun il-BOV wara ftehim iffirmat aktar kmieni din is-sena.
Other Press Releases:
PR262031
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...
PR262030