Left arrow Go Back

JITLESTA L-INTERVENT INFRASTRUTTURALI FUQ GĦAR LAPSI BIEX JITNEĦĦA L-PERIKLU

pr1642
Date Icon 31/07/2013

Tlesta l-intervent infrastrutturali li kien għaddej matul dawn l-aħħar xahrejn f’Għar Lapsi biex issa jista’ jingħad li tneħħa l-periklu li kien hemm għall-pubbliku.

Din il-problema ilha li feġġet mis-sena 2011, meta kienu saru rapporti mill-pubbliku li kien qed jaqa’ xi ġebel miż-żona tal-għerien, li hija l-aktar parti ffrekwentata.

Dak iż-żmien kien tqabbad ġeoloġista biex jagħmel rapport dwar din il-problema biex ikun ippjanat l-intervent li kellu jsir, liema rapport tlesta f’Diċembru tal-2011.

Kien proprju f’Mejju li għadda, taħt l-amministrazzjoni preżenti li ġie deċiż li minħabba li l-periklu kien qed jiżdied, jeħtieġ li x-xogħol jibda kemm jista’ jkun malajr.

Għaldaqstant, tqabbad kuntrattur Taljan, li huwa nvolut f’xogħol simili li qed isir fiċ-Ċittadella, u x-xogħol sar taħt is-sorveljanza tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura.

Ix-xogħol beda fis-27 ta’ Mejju li għadda u tlesta ftit qabel iż-żmien ippjanat, jiġifieri fi ftit inqas minn xahrejn.

Dalgħodu, il-Ministru l-Onor. Joe Mizzi, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fuq il-post, qal li l-blat f’Għar Lapsi huwa espost għal kundizzjonijiet estremi u d-deterjorazzjoni tal-uċuh tal-blat huwa fenomenu li jseħħ b’mod naturali, iżda din l-amministrazzjoni ħadet azzjoni mill-ewwel u kompliet dak li l-amministrazzjoni preċedenti ħalliet fuq il-karti.

Ix-xogħol jinkludi t-tqegħid ta’ xibka speċjali biex toffri protezzjoni għal kull min jgħaddi minn dawk l-inħawi u biex jiġi evitat li aktar blat jaqa’ għal isfel.

Għal iżjed stabbiltà, tqiegħdu wkoll boldijiet tal-materjal ‘stainless steel’, b’tul ta’ żewġ metri fil-blat innifsu biex iżomm il-blat f’postu.

Ix-xogħol ma kienx faċli għax il-ħaddiema kellhom jixxabbtu biex setgħu jaħdmu sew.

Il-Ministru Joe Mizzi rringrazzja lill-ħaddiema li għamlu x-xogħol, kif ukoll l-esperti tekniċi li ħejjew ir-rapporti tagħhom.

Fi tmiem il-konferenza tal-aħbarijiet, li għaliha attenda wkoll is-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina, huwa rringrazzja lill-Ministru Joe Mizzi, li bl-impenn tiegħu, twettaq dan ix-xogħol.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Il-Ministru Chris Fearne jindirizza t-18-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta

PR262031

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Is-saħħa mentali u l-benesseri fil-qalba tal-edukazzjoni – Il-Ministru Byron Camilleri jindirizza l-konferenza nazzjonali EduVoices 2026

PR262030

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...

More Press Releases Right arrow