WARA SNIN TA’ STENNIJA, JIĠU INAWGURATI X-XELTERS TAŻ-ŻWIEMEL
Illum ġie inawgurat l-ewwel xelter għaż-żwiemel mis-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittjiet tal-Annimali Roderick Galdes. Huwa inawgura dawn ix-xelters f’Tas-Sliema, fejn preżenti kien hemm ukoll kuċċier biż-żiemel taħt it-tinda u rappreżentanta tal-Animal Right Coalition.
Fid-diskors tiegħu lil dawk preżenti, l-Onorevoli Galdes qal li meta mmexxija mill-amministrazzjoni ta’ qabel, kull xelter kien qed jiġi jiswa’ 40,000 Ewro, u, li kieku l-Gvern preżenti żamm ma’ dak il-prezz, dawn qatt ma setgħu jitlestew. B’għaqal, sar studju proattiv mal-entitajiet kollha u kull tinda qed tiġi tiswa’ mhux aktar minn 3,000 Ewro. Spjega wkoll li t-tined jitħaddmu mill-ħaddiema tal-Gvern stess.
Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes irringrazzja l-entitajiet kollha li għenu biex din il-missjoni tkun possibli fosthom il-MEPA u Transport Malta.
Min-naħa l-oħra l-Onorevoli Galdes esprima d-diżappunt tiegħu għall-attitudni tas-Sindku tal-Belt Alexiei Dingli li waqqaf il-permess biex ma jsirx ix-xogħol fit-tined tal-lokal u qal li dan għamlu mingħajr ma kkonsulta ma’ sħabu tal-Kunsill.
B’kollox, fil-ġranet li ġejjin se jkunu qed jitwaħħlu 19-il tinda, b’10 minnhom jitwaħħlu l-Belt u l-bqija ser ikunu qed jitwaħħlu fil-lokalitajiet ta’ San Ġiljan u Buġibba.
Is-Segretarju Parlamentari kkonkluda billi qal li wara li jitwaħħlu t-tined, se jibda’ jsir ix-xogħol biex ikun hemm sistema ta’ drenaġġ u ilma f’kull xelter.
Other Press Releases:
PR262031
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...
PR262030