IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU U L-KUMMISSARJU GĦOLI INDJAN F’TAĦDIDIET DWAR KOPERAZZJONI BEJN IŻ-ŻEWĠ PAJJIŻI FIL-QASAM TURISTIKU
Fi żjara ta’ kortesija li l-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella kellu mingħand il-Kummissarju Għoli tal-Indja Anil Trigunayat, kien diskuss il-mod kif Malta u l-Indja jistgħu jibbenefikaw aħjar fil-qasam turistiku u l-mod kif Malta tista’ tkun reklamata f’dan il-pajjiż.
Iż-żewġ naħat irrikonoxxew li preżentament il-problema li hemm fid-dewmien għall-ħruġ tal-visas tagħmilha aktar diffiċli biex ikun attirat turiżmu minn pajjiż bħall-Indja speċjalment fejn jidħol negozju.
Il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella semma l-possibbiltà li jinġiebu f’Malta diversi aġenti tal-ivvjaġġar mill-Indja fejn b’konformità sħiħa mal-kriterji Ewropej ikunu diskussa magħhom metodi kif jista’ jitħaffef il-proċess għall-ħruġ tal-visas mhux biss għal turisti mill-Indja imma wkoll għal negozjanti.
Il-Kummissarju Għoli Indjan iddeskriva ’l Malta bħala destinazzjoni b’possibbiltajiet enormi u semma kif il-Kummissjoni Għolja Indjana qed tippjana li ttella’ erbat ijiem t’attivitajiet kulturali f’Malta bejn it-2 u s-6 t’Ottubru li ġej li fost l-oħrajn se jinkludu esebizzjoni dwar l-Indja u festival ta’ ikel tradizzjonali Indjan.
Iż-żewġ naħat qablu li jaħdmu flimkien ukoll f’oqsma oħra fosthom dawk tal-kultura u tal-industrija tal-films.
Għal din il-laqgħa attenda wkoll iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Dr Gavin Gulia.
Stqarrijiet Oħra:
PR262031
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...
PR262030