IR-RAPPORT TAL-MANAGEMENT EFFICIENCY UNIT DWAR IL-PARK TAL-FAMILJA F’MARSASKALA
NUQQASIJIET SERJI, ĠRAJJA TA’ TBERBIEQ BL-ADDOĊĊ, ‘DIRECT ORDERS’ U KSUR TAR-REGOLAMENTI FINANZJARJI FEJN MHUX ESKLUŻI ABBUŻI.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat ġie ppreżentat bir-rapport tal-Management Efficiency Unit, l-MEU dwar il-Park tal-Familja li hemm f’Marsaskala.
Rapport li ġie kkummissjonat mill-Ministru Brincat fl-ewwel ftit ġimgħat tal-leġislatura u li janalizza l-proġett tal-Park tal-Familja.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Brincat tkellem dwar il-konklużjonijiet maġġuri li joħorġu mir-rapport tal-MEU dwar il-Park tal-Familja.
Varjazzjonijiet u Direct Orders
Skont l-MEU l-proġett tal-Park tal-Familja, li s’issa sewa € 7.8 miljun eskluż il-VAT, ra varjazzjonijiet u żidiet fl-infieq li saru. Dawn jammontaw għal erbgħin fil-mija tal-ispiża attwali sal-lum.
Xogħolijiet fuq il-Visitor’s Centre u l-istorm water culvert li hemm ħdejh telgħu għal spiża ta’ kważi €700,000 minħabba xogħolijiet ta’ skavar, li ntqal li ma setgħux jiġu kkalkulati bil-quddiem. Dan minkejja li saret core drill site investigation qabel ħareġ it-tender.
Il-proġett tant ġie żviluppat b’mod li straħ iżżejjed fuq varjazzjonijiet u direct orders, bir-rapport tal-MEU jgħid li dan jista’ jiġi biss attribwit għal nuqqas serju ta’ ħsieb u ppjanar xieraq u li joħloq sitwazzjoni li jġġib magħha prattiċi abbużivi. Intwera wkoll tħassib fuq kif dawn ir-riskji fil-prezzijiet ittieħdu meta ma kienx hemm proċess kompetittiv u li ħafna mid-direct orders ħarġu għall-konvenjenza.
Ċertu abbużi fid-direct orders bħal fil-każ tal-crazy paving inkixfu aċċidentalment wara li ittra partikulari tħalliet bi żball f’file.
Jissemmew ukoll każi fejn il-Ministeru tal-Finanzi ta’ dak iż-żmien intalab japprova nfieq fuq servizzi diġa miksuba. L-MEU sabet kif ħafna direct orders ħarġu mingħajr ma kien hemm urġenza jżda biss għall-konvenjenza.
Il-MEU sabet kif l-akbar numru ta’ direct orders inħarġu fl-aħħar tnax-il ġimgħa ta’ qabel il-ftuħ uffiċjali tal-Park tal-Familja. Il-ġustifikazzjoni li ngħatat hija ta’ xogħol urġenti minnħabba skadenza imminenti.
Influwenza mill-Ministeru
Mir-rapport joħroġ li tibdil li kien hemm fid-disinji jirrifletti influwenza eżerċitata mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali.
B’ħadd mill-individwi tal-WasteServ involuti fil-proġett intervistati mill-MEU ma kienu f’qagħda jispjegaw x’wassal għal ċertu deċiżjonijiet.
Direzzjonijiet fuq komponenti tal-proġett ingħataw mill-Ministeru f’mod għal kollox mhux strutturat tant li kien diffiċli li wieħed jistabbilixxi min kien direttament responsabbli.
Nuqqas ta’ ippjanar u immaniġġjar
Skont l-MEU ma jeżisti ebda pjan konkret u approvat għall-immaniġġjar tal-Park tal-Familja u l-uniku darba fejn kien hemm il-ħsieb li jitfassal wieħed kien fl-2007. Dakinhar l-MEU stess għamlet abbozz ta’ pjan għall-immaniġġjar tal-park li dwarhu qatt ma kellha feedback mill-Ministeru għar-Riżorsi u għall-Affarijiet Rurali.
Għalkemm il-WasteServ kienet involuta fl-aspetti operattivi tal-Park tal-Familja li kellhom iwasslu għat-tkomplija tiegħu, ma kien hemm ebda ppjanar dwar l-istrateġija tal-Park bħal x’kellu jiġi nkluż fih u kif kien se jiġi mmaniġġjat.
Uffiċjali tal-WasteServ inkarigati mill-Park tal-Familja u li ġew intervistati mill-MEU stqarrew li m’għandhomx esperjenza fl-immaniġġjar ta’ parks.
Minn naħa l-oħra d-Dipartiment tal-Parks, li għandhom esperjenza f’dan il-qasam, sa mill-bidu nett la kienu ġew involuti fil-proċess, lanqas ġew ikkonsultati u lanqas ma ġew involuti fil-landscaping attwali tal-park. Ftit xhur qabel infetaħ il-park u mingħajr ebda avviż bil-quddiem dawn ġew ordnati jiżviluppaw l-iskema 34U.
L-MEU jgħid li ma kien hemm ebda koordinazzjoni bejn id-Dipartiment tal-Parks u l-kuntratturi. Hemm ukoll partijiet tal-park li ma huma responsabilita’ ta’ ħadd.
L-MEU sab li ma hemm l-ebda Energy Saving Policy u evidenti wkoll in-nuqqas ta’ sistema għall-immaniġġjar tal-ilma fuq il-post.
Ir-rapport tal-MEU jgħid li fil-pjanti oriġinali tal-Park kien hemm sezzjonijiet ippjanati li jżda ma sarux. Minflok żdiedu oħrajn li la kienu fil-pjanti oriġinali u lanqas kienu ġew issuġġeriti mill-eNGOs. Skont il-pjanti oriġinali kellu jkun hemm tliet 5 a side pitches, tractor park, athletic running track, glass houses għall-pjanti, librerija pubblika u car park taħt l-art. Minflok saru stallel mingħajr ebda ħsieb kif setgħu jintużaw, l-picnic areas tnaqqsu għal zona waħda u zoni fil-miftuħ tajbin għall-picnics ma tħallewx aċċessibli għan-nies.
Skont l-MEU l-Park tal-Familja ma ġiex assessjat mil-lat ta’ saħħa u sigurta’. Is-safety certification tal-play areas skont standards tal-Unjoni Ewropeja, dawn ma ntwerewx li saru.
L-MEU jgħid li sab evidenza inkonklussiva dwar ċertifikazzjoni ta’ aċċessibilita’ għall-persuni b’diżabilita’ fil-Park tal-Familja.
Fir-rapport l-MEU jgħid li ma setgħax jifhem u jemmen kif proġett ta’ din in-natura, li kellu jipprovdi divertiment u sfog għall-familji Maltin, infetaħ mingħajr ma kien hemm ċertifikazzjoni xierqa ta’ saħħa u sigurta’ tal-post.
Xogħol mhux komplut
Meta infetaħ il-Park, il-Ħadd 24 ta’ Frar 2013, ix-xogħol ma kienx komplut bl-MEU jgħid ukoll li sakemm beda bl-istudju parti mill-park kienet għadha qed tiġi żviluppata bil-makkinarju fuq il-post.
Il-kuntrattur innifsu wera t-tħassib tiegħu għall-fatt li tfal u nies li jżuru l-park setgħu jkunu esposti għall-periklu u dan sakemm ċerti xogħolijiet jitlestew. L-MEU ma sabet ebda dokumentazzjoni li turi li l-WasteServ wieġbet jew ħadet azzjoni fuq dan.
Instab ukoll li kien hemm sigurta’ limitata u ebda sistema ta’ CCTV.
Proġett li tqaddet qabel biss tlesta
B’riżultat ta’ dak li instab l-MEU saħaq dwar il-ħtieġa li kull proġett kapitali kbir għandu jkun awditjat internament .
Fir-rapport tal-MEU jintqal li l-immaniġġjar fqir tal-Park tal-Familja huwa dovut għall-fatt li sentejn wara li nbeda x-xogħol fuqhu u wara nefqa ta’ tminn miljun ewro, l-park baqa mingħajr pjan dwar kif dan għandu jitmexxa.
Jissemma' ukoll il-bżonn li jintlaħaq ftehim għall-manutenzjoni tal-park.
Għalkemm oriġinarjament kien intqal li se jkun hemm water park fil-Park tal-Familja instab li dan qatt ma ġie ppjanat u li ma kienx hemm riżorsi għalih. Fir-rapport il-Management Efficiency Unit jissuġġerixxi li dan jitwaqqaf milli jsir.
L-MEU jgħid li minkejja l-flus li ntefqu l-proġett tqaddet (decayed) qabel biss dan tlesta minn kollox
Other Press Releases:
PR262031
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...
PR262030
pr1622a.pdf