‘EUROPEAN MOVE WEEK’ GĦALL-EWWEL DARBA F’MALTA BEJN IS-7 U T-13 T’OTTUBRU 2013
Għall-ewwel darba, Malta se tieħu sehem fil-‘European Move Week’ li se ssir bejn is-7 u t-13 t’Ottubru, b’sensiela t’attivitajiet fiżiċi madwar Malta u Għawdex kollu. Din ser issir fuq inizjattiva tas-Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport flimkien mal-Kunsill Malti għall-Isport u l-Aġenzija Żgħażagħ, fejn għall-ewwel darba mit-twaqqif tagħhom dawn l-entitajiet tal-Gvern ser jingħaqdu flimkien f’din l-attività.
Dan ħabbru s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, Stefan Buontempo waqt li kien qed jindirizza seminar għaż-żgħażagħ li ser ikunu move agents f’din l-attività. Dawn iż-żgħażagħ, immexxija mill-Kunsill Malti għall-Isport u l-Aġenzija Żgħażagħ ser joħorġu bi proposti u jorganizzaw diversi attivitajiet madwar il-pajjiż.
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li din l-inizjattiva hija importanti meta wieħed iqis il-figuri allarmanti li għandu pajjiżna ta’ obeżità, dijabete u problemi tal-mard tal-qalb. In-Nuqqas t’eżercizzju fiżiku qed iwassal biex pajjiżna għandu rati t’obeżità, dijabete, pressjoni għolja u anke kanċer.
Buontempo kompla jgħid li biex tagħmel attività fiżika mhux neċessarjament wieħed irid ikun sportiv. Bi ftit sforz wieħed jista’ jkollu ħajja aħjar. F’din l-inizjattiva ser ikun hemm diversi attivitajiet fiżiċi addattati għal kulħadd u għalhekk kulħadd huwa mħeġġeġ jipparteċipa f’xi forma t’attività fiżika, mhux biss f’din il-ġimgħa imma wkoll matul is-sena kollha.
Dan is-seminar tmexxa mis-Sinjura Laska Nenova li hija l-ko-ordinatriċi reġjonali tal-International Sport and Culture Association li l-Kunsill Malti għall-Isport huwa membru tagħha.
Aktar informazzjoni fuq l-attività tista’ tinstab fuq www.sportmalta.org.mt jew www.agenzijazghazagh.gov.mt
Other Press Releases:
PR262031
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...
PR262030