STQARRIJA TAL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT U L-INFRASTRUTTURA
B’referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret illum mill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, rigward l-iskema ta’ parkeġġ ikkontrollat għar-residenti, il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura jiddikjara li d-diskussjoni hija miftuħa għal kulħadd, inkluż il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema.
Il-Ministru Joe Mizzi jixtieq ifakkar li Transport Malta qed tagħmel studju dwar sistemi differenti ta’ parkeġġ biex tkun f’pożizzjoni li tfassal politika adattata għaċ-ċirkostanzi ta’ Malta, fejn fost oħrajn, qed ikun ikkunsidrat jekk skemi bħal dawn għandhomx jiġu riveduti jew aboliti.
Tajjeb wieħed ifakkar li ebda Kunsill Lokali mhu ’il fuq mil-liġi. Fil-fatt, fil-ġranet li għaddew, Transport Malta issospendiet skema simili li ġiet introdotta f’San Pawl-il Baħar u oħra fin-Naxxar li ma taffietx il-problema ta’ parkeġġ.
Fil-każ ta’ Tas-Sliema, l-ewwel problema ġiet mill-fatt li l-Kunsill Lokali iddeċieda li jimplimenta l-iskema ħafna wara li mħabbra fl-Avviż Legali tal-2009, proprju erba’ snin wara. Din l-iskema kienet ġiet approvata għax kienet ibbażata fuq studji li madankollu, illum huma skaduti, u dan fid-dawl tal-bidla drastika fis-sitwazzjoni tat-traffiku f’Tas-Sliema.
It-tieni problema kienet li l-iskema ġiet inkluża fl-Avviż Legali mingħajr ma kienet segwita minn perjodu ta’ prova dak iż-żmien stess. It-tielet problema kienet li l-Kunsill kiser il-kundizzjonijiet tal-permess oriġinali temporanju għax kien evidenti li ma sarux biżżejjed konsultazzjonijiet mal-entitajiet involuti.
Minħabba din ir-raġuni, il-Kabinett kien issospenda din l-iskema, kif tħabbar fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fit-3 ta’ Mejju li għadda.
Il-Ministeru jiċċara wkoll li l-Avviż Legali 200 tal-2009 kien ġie irtirat permezz ta’ Avviż Legali 157 tal-2013 li ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern fl-14 ta’ Ġunju li għadda.
Other Press Releases:
PR262031
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...
PR262030