SKEMA TA’ PARKEĠĠ FIN-NAXXAR MHUX SE TITKOMPLA MINĦABBA INKONVENJENT LI ĦOLQOT
Skema ta’ parkeġġ għar-residenti fin-Naxxar, li matul it-tliet xhur li għaddew, kienet qiegħda titħaddem fuq perjodu ta’ prova, ħolqot iżjed inkonvenjent milli taffiet il-problema ta’ parkeġġ u fid-dawl tad-diversi ilmenti li rċeviet Transport Malta, din mhux se tidħol fis-seħħ b’mod permanenti.
It-talba għal skema ta’ parkeġġ għar-residenti tan-Naxxar saret mill-Kunsill Lokali f’Settembru li għadda u bdiet topera f’diversi toroq fin-Naxxar fuq perjodu ta’ prova fl-24 ta’ April li għadda.
Madankollu, il-Ministeru għat-Trasport u l-Infratruttura huwa informat li f’dan il-perjodu ta’ prova, Transport Malta rċeviet għadd ta’ ilmenti minn diversi entitajiet u individwi. Wara li evalwat il-mod ta’ kif kienet qiegħda titħaddem l-iskema u kkonfermat l-inkonvenjenzi li qegħdin jinħolqu għal persuni li ma jkunux residenti, ġie deċiż li l-iskema m’għandhiex tiddaħħal b’mod permanenti.
Għaldaqstant, fil-ġranet li għaddew, il-Kunsill Lokali ġie nformat bil-miktub li l-perjodu ta’ prova issa skada u fid-dawl tal-ilmenti li tressqu b’rabta ma’ din l-iskema, Transport Malta mhijiex f’pożizzjoni li tikkonferma l-iskema biex tinżamm fuq bażi permanenti.
Il-Kunsill Lokali ntalab ineħħi t-tabelli kollha relatati mal-iskema.
Madankollu, il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura huwa lest ikompli jiddiskuti, b’kollaborazzjoni ma’ Transport Malta, biex jinstabu arranġamenti alternattivi ta’ immaniġġjar ta’ traffiku f’din il-lokalità.
Stqarrijiet Oħra:
PR262031
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...
PR262030